Wara li lbieraħ il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Lukandi u r-Ristorantim Tony Zahra, saħaq li jekk mhux se jiftaħ l-ajruport se jkunu qed jintilfu l-impjiegi, illum, il-Ministru għat-Turiżmi Julia Farrugia Portelli saħqet li taqbel perfettament miegħu.
Meta kienet qed twieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Farrugia Portelli saħqet li wieħed irid ipoġġi kollox f'kuntest.
"Jekk sa sena oħra l-ajruport se jkun magħluq verament se nkunu fil-problemi," saħqet Farrugia Portelli. "Irridu nħarsu lejn il-mekkaniżmi. Malta tinsab fid-diskussjonijiet fuq livell Ewropew u l-viżjoni tagħna hija li l-ajruport irid jiftaħ. Mhux qed ngħid li jrid jiftaħ għada imma meta jiftaħ irridu naraw li niftħu b'mod sigur."
Saħqet li d-diskussjonijiet għaddejjin, anke fuq livell Ewropew, inkluż fuq il-proċessi u l-protokolli li wieħed irid isegwi meta l-ajruport jerġa' jiftaħ.
"Se jkollna sajf iżda se jkun sajf differenti," insistiet Farrugia Portelli.