‘Ma nistgħux nibqgħu fi stat ta’ emerġenza, irridu nibdew nibdnu mill-ġdid.” Hekk saħaq il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb waqt laqgħa kordjali li kellu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fil-Furjana.
Xuereb saħaq li l-pajjiż jeħtieġ li jsib sens ġdid ta’ kompetittività u enerġija ta’ reżiljenza biex ikun kapaċi jqum għar-realtajiet ta’ wara l-pandemija.
Waqt il-laqgħa ġew diskussi r-realtajiet preżenti, kif waqfet l-ekonomija u l-isfidi l-kbar li qed isibu n-negozji u ċ-ċittadini.
Id-delegazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ insistiet dwar l-importanza li l-pajjiż jibqa’ jingħata direzzjoni ċara u sigura dwar it-triq ‘il quddiem b’mod struttura u responsabbli.
Insistiet ukoll li l-pajjiż jeħtieġ li joħloq bilanċ bejn il-bżonnijiet ekonomiċi u anke s-saħħa fiżika u mentali tal-poplu.
“Wieħed ma jistax jeżisti mingħajr l-oħra u dan huwa żmien ta’ sfida għalina lkoll,” insista Xuereb.