“Fadal aktar xogħol xi jsir biex aktar persuni LGBTIQ+ iħossuhom aktar komdi jgħixu l-ħajja tagħhom fil-libertà, mingħajr oppressjoni.” Hekk saħqet is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar hekk kif Id-Direttorat għad-Dritijiet Umani, il- Ministeru għall-Ugwaljanza u l-Università ta’ Malta nedew studju biex jitfa’ dawl fuq bosta aspetti marbutin mal-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ+.
L-istudju huwa intitolat: ‘Mapping The Rainbow – Researching the diverse colours of the LGBTIQ community’.
Is-Segretarju Parlamentari Cutajar fakkret kif Malta kklassifikat fil-quċċata tal-indiċi tal-qawsalla ta’ ILGA-Europe.
Hija qalet li dan sar għax kien hemm impenn mill-Gvern biex jimplimenta liġijiet li jgħollu l-livell ta’ ugwaljanza f’pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-istudju importanti u rringrazzja lill-edituri Dr Marceline Naudi u Dr Claire Azzopardi Lane.
Irrefera wkoll għat-tieni pjan ta’ azzjoni li jittratta l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali.
Biex persuna tikseb kopja ta’ din il-pubblikazzjoni tista’ tibgħat email fuq [email protected].