Minkejja t-tnaqqis tar-restrizzjonijiet il-monti tan-Nadur mhux se jiftaħ għalissa

Ħabbar dan fuq Facebook is-Sindku Edward Said waqt li insista li għalissa l-Kunsill qed jevita li joħroġ mases ta' nies fl-istess spazju

Minkejja li minn għada jista’ jerġa’ jarma l-monti f’diversi bliet u rħula madwar Malta u Għawdex, dak tan-Nadur mhux se jkun qed jiftaħ għalissa.

Ħabbar dan fuq Facebook is-Sindku Edward Said fejn spjega kif il-monti huwa daqs attività tal-massa u mhux possibbli jintlaħqu r-regolamenti dwar id-distanza soċjali.

Huwa saħaq li l-Kunsill se jkun qed jagħti, l-ewwel u qabel kollox, prijorità lis-saħħa fuq attività ekonomika

“Nemmnu li ma rridux inkunu aħna li norganizzaw attivitajiet tal-pubbliku fiċ-ċirkustanzi meta nafu r-riskji x'inhuma u li ma jistax ikun hemm kontroll assolut. Nixtiequ li għalissa nevitaw li jkollna mases ta' nies fl-istess spazju fir-raħal għal raġunijiet ovvji ta’ taħlit u tixrid tal-virus,” insista s-Sindku.

Filwaqt li saħaq li l-Kunsill jifhem li l-Gvern qed iqis dan iż-żmien bħala tranżizzjoni, il-Kunsill insista li xorta waħda dan mhuwiex żmien normali u rridu nkunu ċerti dwar x'miżuri għandhom jittieħdu biex jerġgħu jibdew attivitajiet bħal dawn.

Din hija deċiżjoni li se tibqa’ fis-seħħ sakemm ikun deċiż mod ieħor.

More in Politika