Fl-aħħar 24 siegħa saru 1,560 test u minnhom każ wieħed biss irriżulta fil-pożittiv.
Apparti minn hekk pazjent ieħor kien iddikjarat imfejjaq biex hekk l-għadd tal-każi attivi baqa' ta' 125 każ.
Minn meta feġġ l-ewwel każ f'Malta, kien hawn 600 każ ta' COVID-19.
Waqt il-bulletin mediku tal-lum, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tat id-dettalji tal-każi li ġew ikkonfermati fl-aħħar jumejn, jiġifieri l-15 tal-bieraħ u l-wieħed tal-lum.
Fost il-pazjenti l-ġodda tal-aħħar jumejn kien hemm tliet carers li jaħdmu f'Karin Grech u anke anzjan li kien rikoverat fl-istess sptar.
Kien hemm ukoll carer li jaħdem f'dar tal-anzjani.
Bħalma rriżulta fl-aħħar ġimgħat, diversi pazjenti ma kellhom l-ebda sintomi.
Ħames każijiet bis-sintomi
- Anzjana ta' 85 sena. Din tbati b'kundizzjonijiet mediċi iżda tinsab f'qagħda stabbli
- Anzjana ta' 70 sena. Din il-persuna taħdem mid-dar
- Mara ta' 65 sena. Kellha diversi sintomi
- Tfajla ta' 27 sena. Maltija li tgħix Għawdex. Kellha biss uġigħ ta' ras
- Żagħżugħ ta' 23 sena. Kellu diversi sintomi. Jaħdem Għawdex u qed isir kuntatt mal-kollegi
Seba' każijiet li kellhom kuntatt ma' pazjenti oħra
- Żewġt irġiel ta' 59 u 38 sena. Ma kellhom l-ebda sintomi.
- Malti ta' 45 sena. Jaħdem Mater Dei iżda mhux ħaddiem tas-saħħa. Ma kellu l-ebda sintomi
- Anzjan ta' 72 sena. Kellu d-deni. Dan kien rikoverat fis-sala f'Karin Grech fejn ħarġu diversi każi
- Anzjana ta' 69 sena. Kienet fi kwarantina u ma kellha l-ebda sintomi
- Filippin ta' 33 sena. Ma kellu l-ebda sintomi. Jaħdem bħala carer f'dar tal-anzjani u kellu kuntatt ma' carer pożittiv
- Indjana ta' 32 sena. Hija ħaddiema tas-saħħa f'Karin Grech. Kienet fi kwarantina
Erba' każi bla sintomi
- Anzjana ta' 71 sena. Kien imissa appuntament f'Mater Dei u sarilha t-test u ħarġet pożittiva
- Malti ta' 56 sena. Kellu bżonn trattament u sarlu t-test u ħareġ pożittiv.
- Franċiż ta' 59 sena. Kellu bżonn jidħol l-emerġenza. Sarlu t-test u ħareġ pożittiv. Għandu ħanut.
- Filippina ta' 55 sena. Hija ħaddiema tas-saħħa f'Karin Grech iżda mhux fl-istess sala fejn fl-aħħar jiem ħarġu diversi każi.
Pazjenti fl-isptarijiet
- Tmien pazjenti fl-Isptar Boffa
- Sitt pazjenti fl-Isptar Saint Thomas
- Sitt pazjenti fl-isptar Mater Dei
- Ħames pazjenti f'Karin Grech
- L-ebda pazjent ma jinsab fl-ITU