Intervista | 'Il-Covid-19 mhux sentenza ta' għomor il-ħabs ... ejja kuraġġ!'
Ma kellux sintomi imma ċempillu t-tabib u qallu li għandu l-Covid-19. Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Karl Wright illi minkejja li hu mġarrab bil-virus għandu messaġġ ta' tama u kuraġġ x'jgħaddi
minn Albert Gauci Cunningham
"Din tal-Covid-19 se tgħaddi wkoll u lil dawk li qegħdin fiha, ngħidilhom li din mhux għomor il-ħabs imma sentenza sospiża. Ejja kuraġġ!"
Hekk jisħaq Karl Wright - psikoterapista u eks ġurnalist - raġel illi ma ddejjaq xejn jgħid illi rriżulta fil-pożittiv għall-coronavirus u li ma ddejjaq xejn jaqsam l-esperjenzi tiegħu u jappella għall-kuraġġ u r-responsabilità.
Mal-ILLUM hu jappella biex minflok noqgħodu moħħna f'xulxin biex nikxfu lil xulxin, hemm bżonn inkunu solidali ma' xulxin, nagħtu l-għajununa fejn hemm bżonn u nċemplu lil xi ħadd li qiegħed waħdu biex inżommulu ftit kumpanija.
'Ċempilli t-tabib u qalli li pożittiv...kelli nitlaq mid-dar'
Hu jirrakkonta kif fil-fatt ma ħasibx li jista' jkollu l-virus għax bħal ħafna oħrajn qatt ma kellu sintomi. Peress li f'xi ġranet xorta kellu jibqa' jmur l-uffiċċju darba kienu msejħin kollha biex jagħmlu test.
"Niftakar dakinhar kien imissni telework u mort nagħmel it-test u filgħaxija fil-11:30 p.m - mhux xi ħin li jċemplu n-nies allura mill-ewwel tħassibt - ċempilli t-tabib biex jgħidli li jien pożittiv għall-Covid-19."
Fid-dawl tal-fatt li l-Covid-19, anke jekk mhijiex, qed tkun ittratata daqs il-pesta u hemm bħal donnu ta' tabù madwar pazjenti bil-virus, anke jekk dan mhuwiex ġust, l-ILLUM staqsiet lil Wright kif ħassu.
Jgħid illi għal bidu bħal qisek lanqas tinżillek, imma mill-ewwel jgħid illi l-aktar li inkwieta kien għal dawk il-persuni li jgħixu fl-istess residenza miegħu.
Fil-fatt l-għada kienu ħadu t-test, kollha ġew negattivi u ddeċieda li jitlaq minnufih mir-residenza, avolja ma kellux fejn imur. Il-post tax-xogħol tiegħu irranġawlu residenza fejn seta' jgħix sakemm ikun bil-kwarantina.
Wright jispjega kif ma kellux sintomi, imma minkejja dan xorta ħafna minn ħajtu u mill-attivitajiet li jagħmel kienu ristretti, anke jekk jisħaq illi huwa importanti illi tinżamm xi forma ta' rutina.
Imma ma beżgħax xi ftit minn tikketti? Għalfejn qagħad jgħid x'għandu u x'ma għandux?
Il-priorità għandha tkun il-bniedem. Il-bniedem mhux maħluq biex joqgħod ġewwa, waħdu u f'konfinament, imma biex jirrelata u jissoċalizza
"Jiena ma nissottskivix ma' din il-mentalità - avolja fil-verità twelidt fiha - li ma titkellimx "għax min jaf x'se jgħidu n-nies". B'daqshekk billi tgħid u tipprova tagħti eżempju? Ejja nitkellmu dwarha," jappella Wright li jkompli jisħaq hija problema tan-nies jekk iridu joqgħodu jaħsbu u jiġġudikaw.
Huwa ammetta, minn naħa l-oħra, li jifhem l-element tal-biża' minħabba li din il-marda hija imprevedibbli, tant li anke s-sintomi inbidlu maż-żmien - filli sogħla u deni, imbagħad diarrhoea u raxx.
Nerġgħu nduru fuqu: "Minkejja li ma kellix sintomi jiena, kienet iċċempilli t-tabiba kuljum u naraw x'inhi s-sitwazzjoni."
'Hemm bżonn tillimitaw kemm tisimgħu dwar il-Covid-19 fuq il-midja soċjali'
Il-gazzetta tistaqsi lil Wright jekk , fl-opinjoni tiegħu bħala persuna li rriżulta fil-pożittiv, jaħsibx li l-kważi isteriżmu tal-massa u negattività, humiex ġustifikati. Jew forsi jaħseb li dan il-virus ġie amplifikat fuq il-midja soċjali?
Wright jgħid li iħoss, iva, li kien hemm amplifikazzjoni fuq il-midja soċjali u jfakkar illi fil-fatt qed isir l-appell lil bosta - inkluż mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) - biex in-nies jillimitaw l-użu tal-midja soċjali u b'hekk ma jkunux ibbumbardjati il-ħin kollu bl-informazzjoni dwar il-pandemija.
"Issa naħseb illi din l-amplifikazzjoni trid tiġi bbilanċjata bir-responsabilità. Filwaqt li jiena nemmen li m'għandniex nibqgħu msakkrin id-dar - mhux għall-ekonomija biss, imma - il-priorità għandha tkun il-bniedem. Il-bniedem mhux maħluq biex joqgħod ġewwa, waħdu u f'konfinament, imma biex jirrelata u jissoċalizza," ifakkar . "Dan għandu jkun it-tir tagħna," sostna Wright illi qal li xi kultant jinkwieta illi l-ewwel u l-unika kunsiderazzjoni ta' għalfejn għandna bżonn niftħu u nibdew ngħixu hija ekonomika, anke jekk din hija importanti wkoll.
"Irridu nistaqsu min huwa vulnerabbli, jiflaħ jibqa' imsakkar?"
'Hemm bżonn li nedukaw...'
Minkejja li Wright jaqbel illi għandna nibdew niftħu u ngħixu jappella għar-responsabilità u biex kulħadd isegwi l-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa.
"Anke l-bulletini li qed isiru. Vera huma popolari, imma aħjar nagħmlu xi wieħed li huwa aktar edukattiv - mhux tara nies bil-maskra imdendla ma' gedumhom, nies jagħmlu picnic ma' xulxin. Ir-responsabilità hija importanti - hekk nilħquh il-bilanċ."
Il-gazzetta tfakkar illi meta tqabbel in-numri f'Malta sa issa jidher illi ħdejn pajjiżi oħrajn bqajna ħafna 'il bogħod mill-kroll tas-sistema tas-saħħa - naturalment grazzi għall-miżuri li ttieħdu mill-aworitajiet ...
Wright jaqbel ma' din l-analiżi ċkejkna u jisħaq illi konna fortunati filwaqt li rajna x'inhu jiġri f'pajjiżi oħrajn, "anke jekk kien hemm min qalilna li din mhux se tasal Malta filwaqt li m'għalaqniex l-ajruport. Naħseb kieku għalaqnieh qabel ma kienx ikollna l-istess numri."
Meta xi ħaġa hekk tiġi mill-infermiera u t-tobba, irridu noqgħodu attenti. Ma naħsibx li dak li qed jgħidu qed jaqilgħuh minn żniedhom
"Pero wara kulħadd bravu u naħseb li l-awtoritajiet ħadu l-passi meħtieġa."
L-ILLUM tistaqsih ukoll - bħala psikoterapista - jekk rax żieda fil-każijiet ta' nies li ġew jitolbu l-għajnuna. "Iva kien hemm. Naturalment, u jiena ikkontribwixxejt hawnhekk, żdiedu wkoll is-servizzi lil dawk li jħossuhom waħedhom."
Ifakkar li hemm in-numru 1772 li tista' ċċempel jekk tħossok waħdek u jgħid ma' din il-gazzetta illi ħafna nies ikunu jixtiequ l-għajununa, biex ma jħossuhomx waħedhom - hekk kif fil-fatt hu wieħed minn dawk li jirrispondu t-telefons.
'Kollox għandu jsir b'mod ippjanat u trasparenti'
Ovvjament, ma nistgħux nitkellmu fuq rilassamenti u miżuri u l-Covid-19 in ġenerali jekk ma nsemmux il-possibilità - remota jew le ma nafux - illi din is-sena jerġa jiftaħ l-ajruport. Kemm tinkwetah (jew le) din il-possibilità?
Wright jibda billi jerġa jfakkar illi magħluqin kif aħna, ma nistgħux nibqgħu u li din is-sitwazzjoni żgur illi se ttul.
"Imma ma nistgħux minn naħa l-oħrajn ninsew li s-servizzi tas-saħħa għandhom limitu. Ħażin jekk nitilfu l-bilanċ li semmejt u nispiċċaw bi sptar mimli. Pero nerġa ngħid - jiena is-safar ukoll inħobbu - li hu żgur li ma nistgħux nibqgħu dejjem hekk."
Imma ġustifikata l-biża' jew le u ġustifikati l-istqarrijiet tal-unjins tal-infermiera?
"Meta xi ħaġa hekk tiġi mill-infermiera u t-tobba, irridu noqgħodu attenti. Ma naħsibx li dak li qed jgħidu qed jaqilgħuh minn żniedhom." Huwa jgħid illi jekk verament iridu nirrispettaw x-xogħol tal-infermiera rridu nagħtu każ x'jgħidu "mhux billi ntellgħu l-bandiera."
Daqstant ieħor jisħaq illi d-diskussjonijiet jibqgħu għaddejjin dwar l-ajruport. Hu jappella biex il-Gvern ikun trasparenti u jserraħ moħħ in-nies b'edukazzjoni u informazzjoni kontinwa dwar il-proċessi li minnhom se jgħaddi xi ħadd li ġej pajjiżna , l-apparat li se jintuża fl-ajruport u ħafna aktar.
"Huwa importanti li ma nħallux lin-nies fid-dlam. Naqbel li nitkellmu dwar l-ajuport imma bi pjan trasparenti."