Disgħa jfiequ u jirriżulta każ wieħed biss fl-aħħar 24 siegħa

Fl-aħħar 24 siegħa saru 803 test

Fl-aħħar 24 siegħa, disa' persuni oħra fiequ mill-COVID-19 f'Malta u rriżulta biss każ wieħed ġdid mit-803 test li saru lbieraħ.

Dan ifisser li l-każi attivi f'Malta naqsu għal 120 każ filwaqt li l-għadd tal-persuni mfejqa issa jlaħħaq l-485.

Waqt il-bulettin mediku tal-lum, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci tat id-dettalji tal-11-il każ pożittiv li rriżultaw fl-aħħar tlett jiem. Ħafna mill-pazjenti l-ġodda ma kellhom l-ebda sintomu u rriżultaw żewġ każi oħra fl-isptar Karin Grech.

Erba' pazjenti ma kellhom l-ebda sintomi

  • Maltija ta' 29 sena. Taħdem f'kumpanija privata. Għamlu t-testijiet kollha u din it-tfajla ħarġet pożittiva
  • Maltija ta' 24 sena. Hija ħaddiema tas-saħħa fi klinika privata. Ukoll iddeċidew li jagħmlu t-testijiet u din ħarġet pożittiva. Ma kienx hemm riskju għall-pazjenti
  • Malti ta' 23 sena. Huwa ħaddiem tas-saħħa f'wieħed miċ-ċentri fejn qed isiru t-testijiet. Sar ukoll contact tracing mal-kollegi tiegħu u tpoġġew fi kwarantina. Sar l-iddiżinfettar taċ-ċentru, aktar milli jsir is-soltu. Iċ-ċentru reġa' nfetaħ
  • Alġerin ta' 34 sena. Kien se jibda xogħol ġdid u mar jagħmel it-test u ħareġ pożittiv. Dan jgħix ma' ħames persuni oħra u għalhekk qed jinżamm fl-Isptar Boffa biex dawn ma jkunu esposti

Erba' pazjenti li kienu kuntatti ta' pazjenti oħra

  • Żewġ persuni li huma relatati ma' pazjent ieħor. It-tliet pazjenti huma kollegi li jaħdmu fuq l-istess post. Iż-żewġ pazjenti l-ġodda għandhom 51 u 25 sena. Numru ta' nies tpoġġew fi kwarantina. Dawn ma kellhom l-ebda sintomi
  • Maltija ta' 43 sena. Taħdem fl-isptar Karin Grech. Kienet fost il-persuni li kienu qed jiġu ttestjati wara l-każi li ħarġu f'dan l-isptar. Din ma kellha l-ebda sintomi
  • Pazjenta fl-isptar Karin Grech li għandha 63 sena. Kienet fi kwarantina u ħarġulha xi sintomi. 

Tliet persuni bis-sintomi

  • Tfajla Maltija ta' 19-il sena li taħdem bħala assistenta fi spiżerija. Din tilbes il-visor u għalhekk ir-riskju għall-klijenti huwa minimu
  • Malti ta' 38 sena. Kellu diversi sintomi. Jaħdem għal rasu
  • Malti ta' 64 sena. Kellu s-sintomu ta' nuqqas ta' xamm biss. Il-mara tiegħu kellha xi sintomi iżda ħarġet negattiva. Din tpoġġiet fi kwarantina u 'l quddiem jerġa' jsirilha t-test.

Kemm hemm pazjenti fl-isptarijet?

  • 11-il pazjent fl-isptar Boffa
  • Seba' pazjenti fl-isptar St. Thomas
  • Tliet pazjenti fl-Infection Disease Unit ta' Mater Dei
  • Pazjent ieħor f'sala oħra fl-isptar Mater Dei

More in Politika