‘Fis-settur tal-divertiment irridu nbiddlu totalment il-mentalità ... id-dixxiplina se tkun essenzjali’

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Philip Fenech mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji dwar l-istabbilimenti tad-divertiment bħall-clubs u l-barijiet. Meta se jiftħu? Bil-miżuri tad-distanza soċjali dawn jistgħu joperaw? X’jista’ jsir f’dawn l-istabbilimenti biex ikunu jistgħu jiftħu? X’se jsir minnhom?

Diversi negozji issa fetħu l-bibien tagħhom iżda oħrajn għadhom magħluqa fosthom għadd ta’ barijiet u stabbilimenti ta’ divertiment bħalma huma l-clubs. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Philip Fenech, il-persuna responsabbli mis-settur tad-divertiment u l-ospitalità mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, dwar dawn l-istabbilimenti u x’ħidma għaddejja biex anke huma jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom.

Mal-ILLUM Fenech insista li forsi aktar minn stabbilimenti u negozji oħra, id-dixxiplina se tkun essenzjali fil-clubs u stabbilimenti oħra ta’ divertiment kemm min-naħa tas-sidien u l-impjegati iżda b’mod partikolari mill-istess klijenti. 

Aktar kmieni din il-ġimgħa, mal-gazzetta oħt BusinessToday, Fenech spjega x’miżuri jistgħu jittieħdu f’dawn l-istabbilimenti biex anke huma jaddattaw għan-normalità ġdida biex ikunu jistgħu jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom. L-ILLUM daħlet aktar fid-dettall dwar dawn il-proposti. X’jaħsbu dwarhom is-sidien?

“Hemm entużjamu kbir min-naħa tas-sidien biex jiftħu ... imma aktar minn ħwienet oħra, il-klijent irid ikun dixxiplinat. Trid edukazzjoni enormi għaliha din. Għalissa rridu nbiddlu l-mentalità kollha dwar id-divertiment,” insista Fenech.

Kien hawn li fakkar li s-settur tad-divertiment huwa bbażat fuq l-intimità soċjali, jiġifieri totalment fuq l-oppost tad-distanza soċjali. “Fi club in-nies jiltaqgħu ma’ xulxin, iżommu id xulxin, jitgħannqu, jitbewsu, jiżfnu, joqogħdu viċin xulxin u jitkellmu f’wiċċ xulxin minħabba l-mużika għolja. Is-settur tad-divertiment huwa bbażat fuq splużjoni ta’ emozzjonijiet,” saħaq Philip Fenech. “Dan it-tip ta’ negozju ma tistax taħdmu mid-dar. Dan huwa negozju soċjali. Il-mużika bla ma trid iġġib lin-nies fimkien.”

Kien għalhekk li insista li l-mentalità, f’dan is-settur trid tinbidel kompletament. “Nistgħu noperaw. Irridu nadattaw rwieħna kif addatta kulħadd,” saħaq Philip Fenech waqt li insista li dawn għandhom ikunu miżuri temporanji, anke għax fi kliem is-sidien, jekk is-sitwazzjoni ttul mhux se jkampaw.

Philip Fenech
Philip Fenech

X’qed jipproponi?

Dak li qed jipproponi huwa li l-clubs jieħdu aktar il-forma ta’ lounge, fejn ħadd ma jmur mal-bar u kulħadd ikun bilqiegħda fuq imwejjed jew sufanijiet u jiġu servuti.

Il-mużika tindaqq ukoll f’livelli fejn persuna tkun tista’ titkellem ma’ oħra mingħajr il-bżonn li tgħajjat u għalhekk anqas ikun hemm ċans li ttajjar il-bżieq jew inkella tersaq viċin ħafna tal-persuna l-oħra.

L-istess fejn jidħol l-ispazju taż-żfin, dan ikun immarkat b’sinjali biex persuni jew gruppi jżommi d-distanza minn oħrajn.

‘Il-lidos jistgħu jservu ta’ eżempju’

L-ILLUM staqsiet lil Fenech kif qed iħarsu lejn dawn il-proposti s-sidien, anke għax dan għalihom ifisser ħafna spejjeż. Bouncer mhux se jibqa’ biss hemm għas-sigurtà jew inkella biex jiċċekja l-età tal-persuni li jkunu dieħla fil-club. Issa abbli tkun trid tittieħed it-temperatura u jkun assigurat li kulħadd jimxi mar-regolamenti u aktar minn qatt qabel ikun hemm limitu ta’ kemm persuni jistgħu jidħlu fl-istabbiliment.

“Bejnietna l-ħin kollu għaddejin id-diskussjonijiet u kulħadd jagħti s-suġġerimenti kif nistgħu noperaw. Ma jistax ikollna l-mużika għolja daqs qabel ... in-nies ma jistgħux jiżfnu gozz ġo xulxin ... fuq dancefloor l-ispazju jrid ikun akbar, għax inti meta tiżfen anke n-nifs tiegħek jiżdied. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm xi lidos li bdew joperaw u ħadmu tajjeb. Dawn jistgħu jservu ta’ eżempju,” saħaq Fenech.

Kien hawn li insista li aktar mit-tmexxija tal-club, id-dixxiplina trid tiġi min-naħa tal-klijent. “Trid edukazzjoni kbira għaliha,” insista. “Kif rajna l-maġġoranza tan-nies qed jimxu mar-regolamenti tad-distanza soċjali. Dik hi l-verità. Imma mbagħad rajna x’ġara l-Furjana. F’nofs sekonda kulħadd mar lura kif konnha qabel. Ma jistax ikollna dik is-sitwazzjoni fi club fejn persuna qed tixrob u tgħidlek: issa mhux hawn qegħdin.”

Iżda hemm clubs li huma limitati fid-daqs tagħhom. Fenech saħaq li kulħadd irid jaddatta għaċ-ċirkostanzi tiegħu. “Apparti Paceville għandek clubs oħra li huma akbar. Aktar ma jkun kbir il-post aktar tista’ taddatta dawn il-miżuri,” saħaq Fenech.

Hemm indikazzjoni meta dawn jistgħu jiftħu?

L-ILLUM staqsiet lil Fenech jekk dawn il-punti tressqux quddiem l-awtoritajiet tas-saħħa u jekk hemmx indikazzjoni meta clubs u stabbilimenti oħra ta’ divertiment se jkunu qed jiftħu.

“Ma nafx. Għad ma hemm l-ebda indikazzjoni. Wieħed jifhem it-tħassib li jista’ jkun hemm dwar dan it-tip ta’ divertiment. Hemm entużjażmu biex jerġgħu jiftħu, anke għax raw kif operaw il-lidos fl-aħħar jiem,” insista Fenech.

Ristoranti: ‘Il-verità hi li bla turisti ma hemmx biżżejjed xogħol għal kulħadd’

L-ILLUM staqsiet ukoll lil Fenech dwar kif kien l-andament fir-ristoranti matul l-aħħar ġimgħa. Spjega kif hemm diversi fatturi li jaffettwaw, fosthom fejn jinsab ir-ristorant u kif inhu ddisinjat. Dawk li għandhom barra marru aħjar, iżda lanqas ifisser li kollha marru tajjeb.

Fakkar li hemm ristoranti li huma aktar popolari mal-Maltin iżda hemm ristoranti li batew aktar minn oħrajn għax il-klijenti tagħhom huma aktar turisti.

“Hemm min qal li kull ma għamel kienet mejda jew tnejn iżda rċevejna wkoll rapporti ta’ ristoranti li servew mat-30 mejda,” saħaq Philip. “Kuljum qed jiżdiedu l-postijiet, bl-indikazzjonijiet huma li madwar 600 ristorant issa għandu ċ-ċertifikat.”

Il-verità hija, kompla jisħaq Fenech, li xogħol għal kulħadd bħalma kien hemm qabel ma hemmx mingħajr it-turiżmi. 

“Għalhekk importanti li nibdew nibnu l-kunfidenza. Aktar ma jkun hawn kunfidenza u n-nies iħossuhom siguri, aktar se joħorġu,” temm jgħid Fenech. “L-ekonomija għandha ħafna muturi. Xegħlna mutur ieħor. Ottimisti b’mod kawt.”

More in Politika