Apparti l-bqija tan-negozji u stabbilimenti se jinfetħu wkoll iċ-Ċentri taċ-Childcare
Charmaine Gauci saħqet li l-pajjiż xorta għadu mhux f'pożizzjoni li jorganizza attivitajiet tal-massa
More in Politika
Charmaine Gauci saħqet li l-pajjiż xorta għadu mhux f'pożizzjoni li jorganizza attivitajiet tal-massa
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci tat id-dettalji tal-miżuri li se jkunu rrilaxxati min-nhar il-Ġimgħa li ġej, 5 ta' Ġunju, ġurnata li fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela "ilna tant nistennew," jiġifieri l-ġurnata li fiha l-pajjiż jmur lura għan-normalità.
"Irnexxilna nikkontrollaw is-sitwazzjoni," saħqet Gauci waqt li tenniet li l-miżuri ġew rilaxxati skont l-evidenza xjentifika filwaqt li jibqgħu fis-seħħ dejjem il-miżuri ta' mitigazzjoni tad-distanza soċjali, l-iġjene u l-użu tal-maskri fejn indikat.
Propju għax is-sitwazzjoni hija waħda kkontrollata u għax hemm il-mekkaniżmi kollha biex is-sitwazzjoni tibqa' tkun immoniterjata, jistgħu jiġu llaxkati miżuri ta' riskju ogħla.
Dan ma jfissirx li l-ħidma waqfet. Gauci saħqet li t-testijiet se jibqgħu jissaħħu biex kwalunkwe każ li jkun hemm ikun ikkontrollat.
Apparti l-ftuħ tal-bqija tan-negozji u anke l-istabbilimenti, se jkunu qed jinfetħu wkoll iċ-Ċentri taċ-Childcare. Gauci spjegat li anke hawn tapplika l-miżura tad-distanza soċjali u għalhekk se jkun assigurat li jitnaqqas l-għadd ta' tfal fiċ-ċentri u li kemm jista' jkun il-grupp jibqa' dejjem l-istess.
Mistoqsija dwar il-barijiet, Gauci spjegat li l-istess miżuri ta' mitigazzjoni li japplikaw għar-ristoranti se jkunu qed japplikaw ukoll għall-barijiet, inkluż kemm jistgħu jidħlu nies f'bar.
'Għadna mhux f'pożizzjoni li jkollna attivitajiet tal-massa," saħqet Gauci anke jekk il-limitu ta' sitt persuni fi grupp f'post pubbliku issa ma għadux japplika.
Aktar qabel, il-Prim Ministru Robert Abela insista li min-nhar il-Ġimgħa, kulħadd se jerġa' jmur lura għax-xogħol, filwaqt li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne iddikjara li "l-pajjiż rebaħ l-gwerra" kontra l-pandemija.