Approvata l-liġi tas-Samaritan it-tajjeb. Iżda x'inhi eżatt?
Din il-liġi tressqet permezz ta’ Private Members Bill mid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech u sabet l-appoġġ tal-Gvern
More in Politika
Din il-liġi tressqet permezz ta’ Private Members Bill mid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech u sabet l-appoġġ tal-Gvern
Ilbieraħ, il-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni tal-Liġijiet approva l-liġi mressqa mill-Oppożizzjoni biex temenda l-Kodiċi Ċivili u l-Kodiċi Kriminali sabiex jipprovdi għall-immunità mir-responsabbiltà f’każijiet ta’ salvataġġ jew tentattiv ta’ salvataġġ, f’kunċett magħruf bħala s-Samaritan it-tajjeb.
Din il-liġi tressqet permezz ta’ Private Members Bill mid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech. Fi kliem sempliċi, din il-liġi tipprovdi li f’każ li persuna tgħin persuna oħra li tkun tinsab f'periklu imminenti u ċar, min jgħin jingħatalu l-immunità minn responsabbiltà ċivili u kriminali. Madankollu, il-liġi xorta mhix se tneħħi l-piż f'każ ta' negliġenza meta tingħata l-għajnuna.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, id-Deputat Claudio Grech saħaq li permezz ta’ din il-liġi, il-pajjiż qal li qed ineħħi kull xkiel biex persuna tagħti l-ewwel għajnuna lil persuna oħra li tkun qegħda f’periklu.
“B’hekk qed nirriflettu l-prinċipju li l-ħajja ta’ kull persuna hija imprezzabbli u bħala politiċi għandna nagħmlu dak kollu possibbli biex nipproteġuha. Din hija riflessjoni ċara ta’ xi tfisser tkun favur il-ħajja fil-politika,” insista Grech.
Grech irringrazzja lill-Gvern, partikolarment lill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis li wera interess f’dan l-abbozz u appoġġjah biex issa qed isir parti mil-liġijiet tagħna.
Id-Deputata Therese Comodini Cachia, li ħadmet kemm fuq ir-riċerka kif ukoll fuq l-abbozzar tal-Liġi, spjegat kif il-kunċett legali tas-’Samaritan it-tajjeb’ jinstab fil-liġijiet ta’ numru ta’ pajjiżi u għalkemm ittrattat b’mod differenti skond is-sistema legali użata fil-ġurisdizzjoni rispettiva, f’kull każ l-interess ewlieni huwa li ma’ jkunx hemm xkiel legali biex persuna tiddeċiedi li ssalva persuna li qegħda f’periklu ċar.
Therese Comodini Cachia qalet li b'din il-liġi qegħdin nassiguraw li kull min jista’ jgħin lil xi ħadd li jkun jinsab f’periklu jkun jista’ jagħmel hekk mingħajr konsegwenzi legali gravi fuqu.
Din il-liġi għandha wkoll tkun ta’ għajnuna lil ħafna li f'xogħolhom jistgħu jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ emergenza bħall-għalliema fl-iskejjel.
Id-Deputat Robert Cutajar spjega kif qabel ma’ tressaq fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista kien iddiskuta l-abbozz ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet li huma nvoluti direttament fl-għoti tal-ewwel għajnuna jew li xogħolhom iġibhom wiċċ imb’wiċċ ma’ sitwazzjonijiet ta’ riskju.
Robert Cutajar qal li dan l-abbozz imressaq mill-Oppożizzjoni reġa’ bagħat sinjal ċar kemm l-istess Oppożizzjoni hija kommessa li tikkontribwixxi fl-interess tal-ġid komuni anke billi għal darb’oħra erġajna konna pożittivi mhux biss fid-diskorsi tagħna iżda wkoll fl-azzjonijiet tagħna fil-ħidma Parlamentari. Abbozz approvat mill-Grupp Parlamentari b’mod unanimu fisser ukoll li l-valur tal-ħajja jibqa’ valur ewlieni fil-ħidma tagħna.