Midja internazzjonali, inkluż The New York Times irrapportaw kif il-kumpanija Steward Health Care laħqet ftehim biex reġgħet ħadet f’idha t-tmexxija tal-kumpanija mingħand Cerberus Capital Management.
Fil-fatt, Steward Health Care kienet twaqqfet fl-2010 meta Caritas Christi Health Care system, kumpanija li kienet f’xifer ta’ falliment, biegħet l-ishma tagħha lil Cerberus Capital Management. In-network ta’ sptarijiet kien biddel ismu għal Steward.
Jidher li Cerberus, qablet li tbigħ il-kontroll lill-grupp ta’ tobba ta’ Steward immexxija mill-Kap Eżekuttiv Ralph de la Torre.
F’kummenti ma’ midja internazzjonali, de la Torre saħaq li dan huwa pass importanti fl-industrija tal-kura tas-saħħa, anke għax fi kliemu, il-pandemija tal-COVID-19 ħarġet fil-beraħ nuqqasijiet kbar f’sistemi tas-saħħa madwar id-dinja.
Inisista li hekk kif issa Steward tinsab f’idejn tobba u professjonisti fil-qasam tas-saħħa, il-pazjenti se jkunu dejjem il-prijorita.
Steward Health Care kienet ħadet f’idha t-tmexxija tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li Vitals Global Healthcare biegħet il-konċessjoni kontroversjali li kienet rebħet fl-2015.