L-awtoritajiet tas-saħħa għadhom tal-parir li waqt attivitajiet tal-massa, bħalma huma l-festi (li għadhom mhux permessi li jsiru) u anke t-tiġijiet, kulħadd jibqa' jsegwi l-pariri dwar id-distanza soċjali u dan l-għada li l-Prim Ministru ħabbar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha b’rabta mal-COVID-19.
Waqt konferenza li saret dalgħodu, meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li r-rakkomandazzjoni tad-distanza soċjali tibqa’ fis-seħħ anke jekk jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha.
“Irridu nibqgħu viġilanti,” insista Fearne waqt li tenna li l-virus “għadu magħna.”
Ilbieraħ il-Prim Ministru saħaq li Malta ma għadhiex fi stat ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika u spjega kif sal-15 ta’ Lulju se jkunu qed jitneħħew prattikament ir-restrizzjonijiet kollha li daħlu fis-seħħ.
Fost ir-restrizzjonijiet li se jitneħħew se jkun hemm dik dwar il-limitu ta’ 75 persuna f’post pubbliku.
“Id-distanza soċjali tibqa’ importanti u għalhekk nirrakkomandaw biex persuni jevitaw il-folol. Iżda dan ma jfissirx li ma ngħixux,” saħaq Fearne.