Lawrence Cutajar jitpoġġa uffiċjalment taħt investigazzjoni

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħabbar li temm b’effett immedjat il-kuntratt ta’ konsulenza tas-Sur Lawrence Cutajar

L-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija jinsab uffiċjalment taħt investigazzjoni kriminali u dan fuq ordni tal-Qorti.

Kien l-Avukat Jason Azzopardi li għamel din it-talba, li qabel magħha t-tim legali ta' Yorgen Fenech u dan wara li mix-xhieda li ngħatat fil-Qorti fl-aħħar jiem, fosthom dik ta' Johann Cremona tal-bieraħ, intqal kif Cutajar seta' b'xi mod informa lil Melvin Theuma, l-allegat intermedjarju, bl-investigazzjonijiet li kien hemm dwaru.

Xehed ukoll Edwin Brincat, magħruf bħala l-Ġojja, ħabib komuni bejn l-eks Kummissarju u Melvin Theuma.

Skont Brincat, Cutajar darba staqsih jekk hux ħabib ta' Theuma u anke staqsih jekk jafx bir-recordings li Theuma kellu. Skont Brincat, l-eks Kummissarju talbu jipprova jieħu minn ras Theuma. Skont Brincat, l-eks Kummissarju kien saħansitra ċempillu biex jistaqsih dwar ir-recordings u kien wissa lil Theuma dwar dan.

Intant, immedjatament wara din l-aħbar, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħabbar li temm b’effett immedjat il-kuntratt ta’ konsulenza tas-Sur Lawrence Cutajar.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista, qed jistenna wkoll it-tkeċċija ta' Chris Cardona minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.

Qal li fil-Kabinett hemm Ministri li ripetutament iddefendew lil Lawrence Cutajar u dawn ukoll iridu jirrispondu għal għemilhom .

More in Politika