Robert Abela qed jikkunsidra elezzjoni ġenerali kmieni
Il-PM Robert Abela rrabjat u xxukkjat bl-aħħar allegazzjonijiet ta' korruzzjoni. Jgħid lil ta' madwaru li min huwa kolpevoli ma jistax jibqa' fil-partit. Qed tiġi kkunsidrata u diskussa l-possibilità ta' elezzjoni ġenerali kmieni, minflok fl-2022
minn Albert Gauci Cunningham
Il-gazzetta ILLUM tista' tiżvela li l-Prim Ministru Robert Abela qiegħed serjament jikkunsidra elezzjoni kmieni - elezzjoni ġenerali li suppost għandha ssir fl-2022. Dan il-ħsieb, għalkemm issemma u kien diskuss fil-Partit Laburista u anke lilhinn, jidher illi ssaħħaħ bl-aħħar żviluppi matul din il-ġimgħa u anke bil-biżgħat dwar l-ekonomija.
Sorsi qrib sew il-Prim Ministru qalu li dan huwa rrabjat ħafna u esprima x-xokk tiegħu għal dawn l-iżviluppi li huwa mifhum li inżammu prattikament misturi mill-Kabinett kollu. Minkejja diversi xenarji u possibilitajiet (Ara analiżi fil-gazzetta ILLUM ) Abela qed jagħmilha ċara li min huwa politikament kolpevoli ma jistax jibqa' fl-partit. Din il-ġimgħa diġa' kienet immarkata mit-tneħħija ta' Chris Cardona minn Deputat Mexxej tal-PL, tneħħija li huwa mifhum li sabet reżistenza qawwija mill-istess Cardona li għadu jinsisiti illi hu m'għandux ħtija fil-qtil ta' Caruana Galizia imma li min qatilha qed jipprova jitfa' l-ħtija fuqu.
Fl-aħħar sigħat kien imiss li l-attenzjoni terġa taqa' fuq l-eks Ministru Konrad Mizzi, l-eks PM Joseph Muscat u naturalment l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri. Din id-darba dwar informazzjoni ġdida u allegazzjonijiet gravi ta' qligħ minn bejgħ lill-Enemalta, liema qligħ spiċċa fil-kumpanija 17 Black - kumpanija fid-Dubaj ta' Yorgen Fenech li skont email ta' Nexia BT hija target client tal-kumpaniji fil-Panama f'isem Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dawn il-kumpaniji kellhom jagħmlu $2 miljuni fl-ewwel sena biss - minn proġetti ta' riċiklaġġ, turiżmu u sajd f'pajjiżi bħal Bangladesh u l-Indja.
Dan qed idejjaq ħafna lill-PM Abela, anke għall-fatt li din l-informazzjoni kważi mewtet b'mod assolut il-konklużjonijiet mill-aktar pożittivi dwar ir-rapport tal-Kummisjoni Venezja- mument suppost importanti għall-Gvern tiegħu. Fil-fatt, ir-Reuters u The Times, ippubblikaw l-istorja nhar il-Ġimgħa - fl-istess jum meta kien ippubblikat ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja - li kif żvelat l-ILLUM nhar il-Ħadd li għadda, kien wieħed ġeneralment pożittiv.
Is-sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta qalu illi bħalissa hemm diskussjoni, kważi aperta, fil-Partit Laburista dwar jekk għandhiex issir elezzjoni ġenerali kmieni - wara s-Sajf jew l-aktar f'Marzu 2021. Jidher li wara l-aħħar żviluppi Abela huwa determinat li jneħħi nies marbutin wisq mal-każijiet li qed jissemmew, bl-inqas inkwiet intern possibbli, xi ħaġa li elezzjoni ġenerali tista' tagħmel.
Iżda din mhijiex l-unika kunsiderazjoni - hemm ukoll dik ekonomika fid-dawl ta' stħarriġ xjentifiku li kien ippubblikat illum fuq il-gazzetta Maltatoday u li juri illi Abela tilef 8% fil-livell ta' fiduċja mill-aħħar stħarriġ, tnaqqis konsiderevoli. Minkejja dan xorta għadu fuq quddiem bil-kbir meta kkumparat ma' Adrian Delia.
L-inkwiet ekonomiku iżda, hekk kif b'mod speċjali mhux qed nistennew ħafna turiżmu dan is-sajf, jaf jiggrava s-sena d-dieħla minflok isir aħjar, b'diversi negozji jsibuha diffiċli jkomplu joperaw. Il-biża' li l-qagħda ekonomika in ġenerali tiggrava u timpatta bil-kbir lil bosta fl-ekonomija u anke lill-finanzi tal-Gvern, qed tkun ukoll fil-kunsiderazzjoni ta' bosta strateġisti tal-Partit Laburista. Diversi jħossu li dan jaf ifisser illi l-vantaġġ bejn iż-żewġ partiti jibda jiċkien.
X'ħareġ nhar il-Ġimgħa?
Il-każ tal-Ġimgħa ikompli jitfa' aktar dawl fuq din il-kumpanija fid-Dubaj 17 Black li - skont emails minn Nexia BT, il-kumpanija li fetħet Hearnville u Tillgate fil-Panama għal Keith Schembri u Konrad Mizzi - kellha tgħaddi flus għand il-kumpaniji ta' Schembri u Mizzi. Huwa allegat illi fiha daħlu flus mill-Ażerbajġan ($1.4 miljun) u $200,000 mill-aġent tat-tanker tal-gass tf'Delimara. Issa jirriżulta li daħlu €4.6 miljun oħra fi profitti minn bejgħ ta' Wind Farm fil-Montenegro.
Dan il-Wind Farm inxtara minn kumpanija fis-Seychelles Cidifex - li ngħatat €3 miljuni minn 17 Black.
Din imbagħad bigħet dan il-Wind Farm - wara ġimagħġtejn biss - lill-Enemalta bid-differenza li xtratu b'€2.9 miljun u l-Enemalta xtratu b'€10.3 miljun. Minn dawn, €4.6 miljun reġgħu spiċċaw f'17 Black.
Kienet Daphne Caruana Galizia l-ewwel li bdiet tindika illi taf informazjoni dwar 17 Black, ftit qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017. Hi qatt iżda ma ħarġet id-dettalji kollha, li issa ħerġin wara l-qtil tagħha.