Intervista | ‘Żmien it-televiżjoni tal-partiti se jgħaddi u dan mhux fil-bogħod’
Il-Partit Nazzjonalista se jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss? Kieku sar Kap, illum il-PN jinsab f’sitwazzjoni aħjar? Biżżejjed bidla fl-istatut biex il-PN jiġbed lejh nies ġodda? Il-PN se jibqa’ jisħaq li Steward ma għamlu xejn? L-ILLUM tistaqsi lil Chris Said
minn Yendrick Cioffi
Tellaq ma’ Adrian Delia għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kien ukoll Segretarju Ġenerali tal-istess partit u llum huma l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Riforma Kostituzzjonali u Għawdex. Il-gazzetta ILLUM titkellem mad-Deputat Chris Said u tistaqsih dwar il-proċess tar-riforma fil-Kostituzzjoni, is-sitwazzjoni fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-proġett tal-mina u anke t-tiġdid li għaddej fil-Partit Nazzjonalista.
L-ILLUM bdiet tistaqsih dwar ir-Riforma Kostituzzjonali. Fi kliem sempliċi, il-Kostituzzjoni hija l-istatut tal-pajjiż, il-liġi li tirregola l-istat. Il-Kostituzzjoni Maltija ilha magħna mill-Indipendenza u anke jekk kien hemm xi emendi żgħar il-bażi tagħha għadu l-istess tal-1964.
“Servitna tajjeb. Rari kellna xi kriżi kostituzzjonali. Niftakar biss il-kriżi kostituzzjonali li ħoloq ir-riżultat tal-elezzjoni tal-1981,” saħaq Said. “Fl-aħħar snin kien hemm min uża l-istituzzjonijiet tagħna b’mod ħażin. Allura qed tinħass il-ħtieġa li jkollna riforma bil-għan li l-Kostituzzjoni tkun tarka għall-poplu u mhux tintuża mill-Gvern tal-ġurnata bħala paraventu.”
Għalhekk, saħaq Said, hemm il-bżonn li l-poter jinfirex. “Aħna għandna Kostituzzjoni li tpoġġi l-poter f’idejn il-Prim Ministru u l-eżekuttiv. Mhux qed ngħid li l-Prim Ministru u l-Kabinett ma jkollux poter, imma li jkun hemm firxa tal-poter fuq il-President tar-Repubblika u istituzzjonijiet oħra, biex hekk dawn l-istituzzjonijiet ikunu qed iservu liċ-ċittadini,” insista d-Deputat.
Dan kien propost ukoll mill-Kummissjoni Venezja u l-Gvern fl-aħħar ġimgħat ippreżenta l-proposti u l-emendi tiegħu. Dwar dan, id-Deputat Nazzjonalista fakkar li d-diskussjoni ilha għaddejja snin. Fakkar dwar il-proposti li kien jinsisti dwarhom l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono bejn l-2008 u l-2013 u anke l-wiegħda ta’ Joseph Muscat, dwar Repubblika ġdida u li fi kliemu “intesiet.”
“Għaddew seba’ snin u nofs u kien hemm it-tkaxkir tas-saqajn,” saħaq Said. Fakkar li tliet snin ilu twaqqaf il-Kumitat, magħmul minn tliet membri tal-PN u tlieta tal-PL taħt it-tmexxija tal-President tar-Repubblika li qed jiltaqa’ ta’ spiss, jiddiskuti u jikkonsulta u fuq kollox jipprepara l-Konvenzjoni dwar ir-Riforma Kostituzzjonali.
‘Il-Gvern kien dahru mal-ħajt u fi stat ta’ paniku...’
Fi kliem Said hemm qbil li dak li pproponiet il-Kummissjoni Venezja, la hemm qbil dwaru, jiġi attwat minnufih u mill-banda l-oħra jibqa’ għaddej il-proċess ta’ konsultazzjoni bl-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli. Fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu ppubblikati dokumenti ta’ dak kollu li daħal waqt il-konsultazzjoni biex dawn iservu ta’ bażi għad-diskussjoni fil-Konvenzjoni dwar ir-Riforma Kostituzzjonali.
Said ikkritika lill-Gvern kif minkejja li kien hemm qbil minn kulħadd, inkluż mill-Gvern u l-Oppożizzjoni, dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, il-Gvern kaxkar saqajh tant li l-ġimgħa d-dieħla l-Kummissjoni għandha tippubblika rapport sena u nofs wara l-proposti oriġinali.
Iżda l-ILLUM fakkritu li fil-ġimgħat li għaddew il-Gvern wieġeb lill-Kummissjoni bil-proposti tiegħu. “Meta ressaq il-proposti, dan għamlu mingħajr konsultazzjoni. Infurmati li qabeż ukoll il-President tar-Repubblika li taħtu qed isiru l-laqgħat dwar ir-Riforma Kostituzzjonali. Il-Gvern kien daru mal-ħajt u kien fi stat ta’ paniku u ried jaġixxi malajr,” insista Said.
La kien hemm qbil għaliex kellu jerġa’ jikkonsulta l-Gvern? “Kien hemm qbil iżda konnha qbilna wkoll li jkun hemm diskussjoni dwar kif se jsiru l-emendi. Hemm bżonn li wieħed jidħol fid-dettall ta’ kull emenda,” saħaq Said waqt li fakkar li hemm emendi li għalihom hemm bżonn il-vot taż-żewġ terzi tal-Parlament.
Said insista li l-Gvern injora ċertu setturi li tkellem fuqhom ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja. “Bħala Oppożizzjoni nemmnu li l-proposti li qed nagħmlu aħna huma aħjar u aktar qrib dak li pproponiet il-Kummissjoni Venezja,” insista Said.
‘Ħa nibqgħu nagħmlu minn kollox biex nipperswadu...’
Fost l-aktar proposti li Said għandu għal qalbu u li qed jagħmel il-PN huwa li l-President tar-Repubblika jibda jinħatar bil-vot taż-żewġ terzi tal-Parlament. Fi kliemu, b’hekk il-President jista’ jkollu f’idejh aktar poteri, bħall-ħatra tal-Imħallfin.
“Meta se tagħti poteri ġodda lill-Uffiċċju tal-President trid tkun ċert li dan ikollu l-fiduċja mqar taż-żewġ terzi tal-Parlament,” insista Said, l-istess kif jiġri f’każ ta’ karigi oħra bħall-Kummissarju għall-Istandards u l-Ombudsman, fost oħrajn.
Il-gazzetta ILLUM ħabbret li l-kabinett issa qabel ukoll ma’ din il-proposta. “Kuntenti. Fl-aħħar sena u nofs ma kienx hemm qbil magħna fuq din il-proposta. Bqajna bil-kalma nispjegaw għaliex hija proposta tajba. Din bħall-kariga tal-Prim Imħallef. Li dan jinħatar biż-żewġ terzi kienet proposta tal-Oppożizzjoni,” insista Said. “Ħa nibqgħu nagħmlu minn kollox biex nipperswadu ... wara kollox għal ċertu emendi jridu l-vot taż-żewġ terzi tal-Parlament.”
U jekk il-PL jikseb maġġoranza ta’ żewġ terzi jew aktar tal-Parlament?
Hawn l-ILLUM tkellmet ma’ Said dwar l-aħħar sondaġġi li ma tantx qed jawguraw tajjeb għall-PN. Ma jaħsibx li hemm riskju li jekk issir elezzjoni ġenerali, il-Gvern jikseb maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament u għalhekk, prattikament, ikun jista’ jagħmel li jrid?
“Allaħares jiġri hekk, imma ma naħsibx li tista’ tiġri. Mhux qed neskludiha imma mill-esperjenza tiegħi fil-politika hija diffiċli ħafna,” insista Said. Fi kliemu, is-sondaġġi huma stampa tal-mument għax fil-politika, ġimgħa hija twila.
Konvint li l-Partit Laburista għadda mill-pik tiegħu, anke bil-problemi li qed jiffaċċja b’qasma interna li qed tkompli toħroġ fil-beraħ
Kien hawn li nnota li l-PL ma żiedx fil-voti tiegħu u hemm numru kbir ta’ persuni li s-soltu jivvotaw lill-PN u li għadhom inċerti jew qalu li mhux se jivvotaw, numru li fi kliemu dejjem jonqos meta toqrob l-elezzjoni.
“Irridu naħdmu aħna biex din ma tiġrix. Naħdmu mhux biex innaqsu d-distakk iżda biex xi darba nkunu l-partit tal-għażla tal-maġġoranza tal-poplu Malti,” insista Said.
‘Konvint li l-PL għadda mill-pik tiegħu’
Kien hawn li l-ILLUM fakkritu kif filwaqt li l-PL żamm il-voti tiegħu, il-PN mhux qed iżid iżda saħanistra qed inaqqas u dan fid-dawl ta’ żviluppi importanti li seħħew fil-pajjiż, fosthom ir-riżenja ta’ Prim Ministru.
“Jiena konvint li l-effetti ta’ dak kollu li ġara f’dawn is-seba’ snin ta’ Gvern Laburista u dak li seħħ anke fl-aħħar xhur u ġimgħat se jkunu qed jibdew jirriflettu fil-ħsieb tan-nies,” insista Said. “Konvint li l-Partit Laburista għadda mill-pik tiegħu, anke bil-problemi li qed jiffaċċja b’qasma interna li qed tkompli toħroġ fil-beraħ.”
Insista li dan waħdu mhu se jfisser xejn ,iżda l-PN irid ikompli għaddej bil-ħidma tiegħu, inkluż ir-riforma fl-istatut, se jara riżultati u dan minkejja sfidi bħar-riżorsi.
‘Il-poplu mhux se jdum ma jdur lejn il-PN...’
“Dan ma jaqtalna xejn qalbna. Ir-riżultati mhux se jidhru mill-ewwel. Iridu x-xhur jew saħanistra s-snin imma konvint li ftit ftit in-nies jibdew jaraw fil-PN il-partit li jista’ joħroġ lil Malta minn din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Ma ninsewx li hemm ir-rapport tal-Moneyval li jaf ikun id-daqqa tal-mewt għall-ekonomija tal-pajjiż,” insista Said. “Ċert li l-poplu Malti mhux se jdum ma jdur lejn il-PN biex joħorġu minn din is-sitwazzjoni prekarja li daħħalna fiha l-PL.”
Iżda Said verament jemmen li bidla fl-istatut tal-PN se taffettwa l-elettorat? Mhux aħjar ikun hemm uċuh ġodda flok statut ġdid? Said wieġeb li n-nies iħarsu lejn kollox anke lejn partit li jkun organizzat fih innifsu. “Importanti wkoll li jkollok nies ta’ esperjenza u uċuh ġodda. Kien hemm żmien fejn kien diffiċli. Il-clusters li twaqqfu huma l-ewwel pass. Partit jibqa’ ħaj meta jibqa’ jattira nies ġodda. Il-PN dieħel fil-fażi li jattira nies ġodda. Ma jfissirx li min għandu l-esperjenza jiġu mwarrba. Kulħadd għandu x’joffri,” insista.
L-ILLUM terġa’ twaqqfu u tfakkru li fost il-poplu hemm perċezzjoni ta’ partit maqsum u dak qed iħoll u jorbot kollox. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni insista li fl-aħħar xhur saru avvanzi kbar u llum il-Grupp Parlamentari huwa magħqud u qed jaħdem għal għan wieħed.
Għaliex domtu ma aċċettajtu lil Delia? Mhux żmien moħli?
Iżda għaliex issa? Ma setgħux aċċettaw qabel lil Delia u mxew ‘il quddiem? Mhux żmien moħli? “Din hija konsegwenza tal-fatt li l-PN għall-ewwel darba fetaħ l-elezzjoni għat-tesserati. Aktar ma tinvolvi nies fl-għażla tal-kap aktar se ddum ma tagħlaq din l-isfida,” insista Said. “Jiena nibqa’ grat għal numru kbir ta’ tesserati li vvotawli iżda malli għadda l-vot jien għalaqt dak il-kapitlu. Kellek partit b’Kap magħżul mit-tesserati li dam ftit biex joħroġ mill-effetti li ħalliet din it-tellieqa.”
Insista li fil-Grupp Parlamentari hemm ħsieb komun, qed jiltaqa’ b’mod regolari u qed jaħdem biex meta tiġi l-elezzjoni ġenerali jkun jista’ joffri alternattiva.
L-ILLUM iżda tistaqsih jekk jaħsibx li l-PN kien jingrana aktar malajr kieku sar hu Kap. “Ma nistax ngħid. Imma la kienu involuti eluf ta’ nies fl-elezzjoni, żgur kienet se tħalli impatt aktar milli kieku l-elezzjoni saret fil-Kunsill Ġenerali ... probabbilment kien ikun hemm problema simili,” inista Said. “Dan qed narawh issa fil-Partit Laburista wara li t-tesserati ivvotaw għall-ewwel darba bejn Robert Abela u Chris Fearne.”
‘Ħadt deċiżjonijiet diffiċli ... naqqast l-għadd tal-impjegati b’terz’
Said kien ukoll Segretarju Ġenerali tal-PN. Ma jħossx li għandu jerfa’ ftit piż mir-responsabbilità dwar id-dejn. Said kien skjett u fakkar li kien hu l-persuna li kellu jieħu deċiżjonijiet iebsa fejn saħanistra naqqas l-għadd ta’ impjegati b’terz. “Ma kontx popolari ovvjament. Dehert ikrah ħafna ma’ nies tal-qalba. Ma kelli l-ebda għażla oħra,” insista Said.
Żgur li l-midja hija waħda mill-akbar piż finanzjarju li għandu l-PN. Huwa sigriet magħruf. Mhijiex l-aktar waħda popolari. Ma jaħsibx li wasal iż-żmien li l-PN jieħu d-deċiżjoni diffiċli li jagħlaq it-televiżjoni? Fi kliem Said, il-midja hija piż fuq il-PN kif inhi wkoll fuq il-PL.
Ċert li l-poplu Malti mhux se jdum ma jdur lejn il-PN biex joħorġu minn din is-sitwazzjoni prekarja li daħħalna fiha l-PL
“Iż-żmien qed jinbidel. Nemmen li ż-żmien tat-televiżjoni tal-partiti se jgħaddi u dan mhux fil-bogħod. Il-partiti jridu jsibu mezzi oħra b’inqas flus biex iwasslu l-messaġġi tagħhom. Hemm diversi mezzi kif tista’ tagħmel dan,” insista Said. “Ma jdumx ma jasal iż-żmien li l-partiti jieħdu dan il-pass.”
Delia qal: “ma naħsibx li l-PN se jitlef l-elezzjoni ġenerali.” Said jaqbel? “Il-PN se jmur għall-Elezzjoni Ġenerali biex jirbaħ. Nafu li hemm sur enormi li wieħed irid jixxabbat miegħu. Imma se nagħmlu dak kollu possibbli biex naslu,” insista Said.
‘Konvint li l-Gvern ma jdumx ma jwaqqaf il-kuntratt tal-VGH’
Qlibna d-diskors fuq Għawdex. Hija ġusta l-kritika tal-PN fuq Steward, issa li bdew jinvestu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? “Fuq Steward aħna ċari. Seta’ kien min kien. Għawdex hemm sptar wieħed. Ma kellu qatt jiġi pprivatizzat,” insista Said. “Aħna mhux kontra s-settur privat fil-qasam tas-saħħa. Il-Gvern seta’ inċentiva biex jinfetaħ sptar privat f’Għawdex li jkun parallel ma’ dak pubbliku.”
Apparti dan, fi kliemu, dak li ħareġ u dak li ried joħroġ fuq il-ftehim magħruf tal-VGH jikkonferma kemm il-PN kellu raġun. “Dawn qed jieħdu miljuni kbar fis-sena u ma għamlu kważi xejn minn dawk li suppost kellhom jagħmlu. Issa jridu jirrinegozzjaw il-kuntatt ... lanqas il-pjan lokali ma lestew,” insista.
Kien hawn li Said saħaq li jinsab konvint li l-Gvern ma jdumx, għax ma għandux triq oħra, li jwaqqaf dan il-kuntratt. “Għad iridu joħorġu oxxenitajiet oħra,” insista waqt li fakkar fil-każi li għaddejin il-Qorti, fosthom mill-Kap tal-Oppożizzjoni u anke l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali.
“Din hija logħba bis-saħħa tal-Għawdxin biex xi ħadd isir miljunarju,” saħaq Said.
Il-Ministeru għal Għawdex sar qiesu kunsill lokali
Tkellimna wkoll dwar il-mina u l-Ministeru għal Għawdex. Beda bil-Ministeru għal Għawdex, li fi kliemu l-Gvern ħadlu s-saħħa kollha, fosthom meta ħadlu l-edukazzjoni u s-saħħa minn idu u ġabu qiesu “kunsill lokali.”
Fl-aħħarnett, dwar il-mina, Said insista li l-Partit Nazzjonalisa huwa favur tagħha tant li kienet parti mill-programm elettorali tiegħu fl-2017. “Ipproponejna aktar minn 10 snin ilu u bdejna l-istudji preliminari,” saħaq Said, iżda insista li jrid ikun hemm l-istudji kollha, mhux jekk tistax issir jew le biss. “Irid ikun hemm studju fuq l-impatt soċjali, ambjentali u ekonomiku biex tittieħed l-aħjar deċiżjoni.”