Minkejja li sorsi viċin il-Kap Nazzjonalista qalu mal-gazzetta ILLUM li Adrian Delia talab lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi biex ikun medjatur fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari li se jitlaqqa' llejla, f'kummenti mal-illum.com.mt, l-istess Gonzi saħaq li mhuwiex il-medjatur u lanqas ma ntalab ikun medjatur.
Mistoqsi jekk kienx mistieden ikun preżenti għal-laqgħa tal-lejla, Gonzi wieġeb: "le ma ġejtx mistieden inkun preżenti għal-laqgħa tal-lejla."
Madanakollu, mistoqsi jekk fis-sigħat li għaddew iltaqax ma' Delia, Lawrence Gonzi ma weġibx. Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li Gonzi ltaqa' mal-Kap Nazzjonalista llum stess waranofsinhar.
Rapporti qed jisħqu li llejla hemm ċans kbir li jissejjaħ vot ta' sfiduċja li jista' jwassal biex Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni anke jekk dan ma jkunx ifisser awtomatikament li ma jibqax Kap tal-Partit.
Il-laqgħa tal-lejla se tkompli tiddiskuti dak li ddiskutew uħud mid-Deputati waqt laqgħa spontajna li saret il-Ħadd li għadda wara li The Sunday Times of Malta żvelat chats illi juru li kien hemm kuntatt bejn Delia u Yorgen Fenech, meta kien magħruf li 17 Black kienet tiegħu.
Delia ċaħad illi b'xi mod dawn il-messaġġi jfissru li hu qatt waqa' għall-pressjoni ta' Fenech, akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Aqra wkoll: