Minn belvedere, għall-bankini u l-wardens ... L-ILLUM tiżvela diversi proġetti għall-Kapitali
Sena wara li ġie elett Kunsill Lokali ġdid għall-Belt Valletta, il-gazzetta ILLUM titkellem mas-Sindku Belti Alfred Zammit dwar il-proġetti li jinsabu fuq l-aġenda biex ikomplu jsebbħu l-Belt Kapitali Maltija.
minn Yendrick Cioffi
Il-Belt Valletta hija ġawrha fina nnifisha. Biżżejjed tidħol għall-kwiet u toqgħod iddur fit-toroq twal u dritti tagħha, titpaxxa bil-bereġ, il-knejjes, u l-arkitettura tal-bini tagħha. Għalhekk jibqa’ jistħoqqilha l-aqwa u l-aħjar. Il-gazzetta ILLUM poġġiet bilqiegħda mas-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit, li elenka l-proġetti kollha li fuqhom se jkun qed jibda x-xogħol fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin u proġetti oħra li l-kunsill lokali qed jissuġġerixxi.
Zammit saħaq li wieħed mill-aktar proġetti għal qalbu u li wasal biex ikun lest huwa dak tal-klinika għall-komunità fil-Belt Valletta. Il-gazzetta ILLUM żaret ix-xogħlijiet li jinsabu fi stadju avvanzat. Din tinsab fil-binja tal-Kunsill Lokali iżda hemm entratura għaliha minn Triq it-Teatru l-Antik.
Is-Sindku spjega kif il-kunsill preċedenti kien diġà ħaseb biex fl-istess binja ssir klinika, ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani u sala għat-tagħlim tal-kompjuter. Madanakollu, anke wara s-suġġeriment tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-kunsill preżenti ddeċieda li din issir kollha kemm hi klinika għall-komunità.
“Għalina s-saħħa hija prijorità,” saħaq Zammit waqt li spjega kif tabib se jkun qed ipoġġi f’din il-klinika kuljum sal-10:00am.
Dan apparti servizzi oħra bħal dak ta’ fiżjoterapista, fost oħrajn. “Sal-lum, il-Beltin, inkluż l-anzjani, li jkunu jridu sempliċiment preskrizzjoni, iridu jmorru l-Furjana,” saħaq is-Sindku waqt li spjega li s-servizz se jkun miftuħ għal kulħadd, anke minn mhux resident.
Proġett fiż-żona tal-Qanpiena tal-Assedju l-Kbir
Il-Belt Valletta mhijiex nieqsa mill-ispazji miftuħa iżda ħafna minn dawn huma ‘l bogħod miż-żoni residenzjali. Proġett li huwa għall-qalb ħafna l-Kunsill Lokali huwa dak ta’ madwar il-Qanpiena tal-Assedju l-Kbir.
Dan huwa proġett tal-Kunsill Lokali u li se jkun qed jgħin fih il-Ministeru responsabbli mill-Patrimonju Nazzjonali hekk kif se jkun qed jinkludi wkoll ir-restawr tal-istess Qanpiena tal-Assedju.
Fost oħrajn, fiż-żona taħt il-Qanpiena u li sal-lum hija biss parkeġġ żgħir għal xi erba’ karozzi, se jkun qed jinbidel f’belvedere. “Dan huwa post li joffri wieħed mill-isbaħ angoli tal-Port il-Kbir,” saħaq is-Sindku.
Apparti minn hekk, fiż-żona ta’ quddiem il-Qanpiena se jkun qed isir bandli ġdid u anke spazju miftuħ li jkun jista’ jitgawda mir-residenzi taż-żona.
Se jinbiddlu l-bankini kollha tal-Belt Valletta
Jekk hemm proġett bżonnjuż huwa l-bdil tal-bankini fil-Belt Valletta. Fil-fatt, fix-xhur li ġejjin se jkun qed jibda x-xogħol li se jbiddel il-bankini kollha tal-Belt Valletta.
Is-Sindku spjega li kienet ix-xewqa tiegħu li jinbidel il-materjal li permezz tiegħu kienu qed isiru l-bankini u dan biex il-bankini jkunu jikkumplimentaw żoni oħra pedonali li fuqhom qed jaħdem il-Gvern.
Dan se jkun proġett li se jiswa €800,000.
Tisbiħ tal-ġnien Hastings
Meta ssemmi l-ġonna fil-Belt Valletta ħafna drabi jiġuk f’moħħok biss iż-żewġ barrakki, iżda Hastings bla dubju huwa wieħed mill-isbaħ ġonna f’Malta.
Zammit spjega kif għaddejja ħidma biex isir xogħol ta’ tisbiħ f’dan il-ġnien, tħawwil ta’ aktar siġar, sistema ġdida għall-irrigazzjoni u anke faċilitajiet ġodda għal dawk li jżuru l-ġnien.
Spazju ieħor miftuħ għat-tfal Beltin
Proġett li ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar u għalhekk jista’ jibda x-xogħol fuqu, huwa dak ta’ bandli ġdid fin-naħa ta’ Sant’Jiermu.
Dan se jkun qed isir fuq biċċa wesgħa li hemm biswit id-daħla tal-Mużew tal-Gwerra.
Hekk it-tfal kemm taż-żona tal-Mandraġġ, tal-Arċipierku u anka tad-Diju Balli se jkollhom post fejn jirrikreaw ruħhom.
Aktar żoni pedonali fil-Belt Valletta
Il-Kunsill Lokali qed jimbotta wkoll ‘il quddiem proposta li kienet għamlet l-Assoċjazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir biex Misraħ Indipendenza, magħrufa bħala “l-pjazza tal-Palma,” issir kollha kemm hi pedonali.
Se tkun qed issir pedonali wkoll parti oħra minn Triq il-Merkanti, jiġifieri l-parti bejn Triq l-Arċisqof u Triq San Kristoforu. Skont il-liġi, din iż-żona suppost li hija pedonali u għalhekk se tkun attwata.
U kif se jiżdied il-parkeġġ?
Aktar żoni pedonali ifissru inqas post għall-parkeġġ. Iżda Alfred Zammi saħaq li se jkun qed jipproponi żewġ affarijiet importanti li l-għan tagħhom huwa li jiżdied il-parkeġġ għar-residenti Beltin.
Se tkun qed issir proposta lil Transport Malta biex Triq Marsamxett (ir-ring road) issir one-way, biex hekk il-karozzi jidħlu minn Triq l-Assedju l-Kbir.
Fi kliemu, dan mhux biss se jkun qed itejjeb il-kwalità tal-arja taż-żona b’50% iżda anke jżid il-parkeġġ bil-għan ikun li l-barranin jipparkjaw madwar il-Belt u r-residenti fit-toroq tal-Kapitali.
Apparti minn hekk, kompla jispjega Zammit, se jkun qed jipproponi li jitneħħa l-parkeġġ il-blu biex hekk jiżdied il-parkeġġ aħdar, jiġifieri dak riservat għar-residenti matul il-ġurnata kollha u anke dak abjad li fuqu jista’ jipparkja kulħadd.
Wardens speċifiċi għall-Belt Valletta
Proġett ieħor li qed ikun imbuttat ‘il quddiem huwa dak li jkun hemm wardens li jkunu speċifiċi għall-Belt Valletta.
“Dawn ikunu assenjati mill-Gvern mal-Kunsill Lokali tal-Belt,” saħaq Zammit.
Fi kliemu, permezz ta’ din il-proposta, ikun jista’ jiżdied l-infurzar, partikolarment kontra min jabbuża mill-parkeġġ għar-residenti.
Proġetti biex jinbidel id-dawl kollu fil-Belt Valletta
Alfred Zammit spjega kif qed jissuġġerixxi wkoll li jinbidel id-dawl fi Triq ir-Repubblika u li dan isir b’sistema ta’ ‘intelligent lightning,’ fejn fost oħrajn, id-dawl ikun jista’ jinbidel skont l-okkażjoni.
Qed jissuġġerrixxi wkoll biex malajr kemm jista’ jkun jinbidel id-dawl fi Triq Marsamxett u ftit ftit anke d-dawl kollu fiċ-ċentru.
Diskussjoni biex is-sotterani tal-Belt jinfetħu għall-pubbliku
Skont is-Sindku Belti jinsabu wkoll fi stadju avvanzat id-diskussjonijiet biex it-teżor li jeżisti taħt il-Belt Valletta jinfetaħ għall-pubbliku.
“Taħt il-Belt hemm Belt oħra,” saħaq Zammit. “Ħasra li s-sotterani jibqgħu mistura.”
Studju dwar il-kwalità tal-arja fil-Kapitali
Fil-Kunsill Lokali hemm ukoll qbil li jsir studju dwar il-kwalità tal-arja fil-Belt Valletta. Anke jekk isir ħafna diskors fuq it-tniġġis mill-cruiseliners fil-Port il-Kbir, fi kliem Zammit, ftit hemm kuxjenza dwar it-tniġġis tal-arja fit-toroq tal-Kapitali.
“It-toroq tal-Belt ma ġewx mibnija għall-karozzi,” saħaq Zammit waqt li spjega kif in-nuqqas ta’ parkeġġ u vetturi jduru fl-istess toroq kollha qed jaffettwaw it-tniġġis tal-arja. “Nitkellmu ħafna fuq nuqqas ta’ parkeġġ imma mhux fuq kemm qed nibilgħu dħaħen.”
Fi kliemu, dan l-istudju, lanqas fuq bażi nazzjonali ma sar.
Letrina ddedikata biss għat-tfal u l-ġenituri
Anke jekk għad ma hemmx post indikat fejn jista’ jsir, Zammit qed jipproponi wkoll li ssir letrina (kif wieħed isib fi bliet oħra Ewropej) u li tkun kollha kemm hi għat-tfal u l-ġenituri tagħhom.
L-istess letrina, saħaq Zammit tkun tinkludi kamra għall-breast-feeding u anke nappy-changer.
Fond biex in-negozji Beltin jagħtu xi ħaġa lura lill-Beltin
Il-Kunsill Lokali Belti qed jaħdem ukoll flimkien mal-boutique hotels, il-lukandi, ir-ristoranti u n-negozji Beltin biex jitwaqqaf fond biex minn dak li huma jaqilgħu jagħtu xi ħaġa lura lill-komunità Beltija.
“Permezz ta’ din l-inizjattiva, min irid, skont il-kobor tiegħu, jintrabat li jagħti donazzjoni lill-Kunsill Lokali. It-tir huwa li niġbru €200,000 f’dan il-fond. Dan ikun amministrat mill-Kunsill Lokali u minnhom isiru proġetti fil-komunità,” saħaq is-Sindku. “Xi ftit jew wisq qed joħolqu inkonvenjent. Permezz ta’ dan il-fond qed jagħtu xi ħaġa lura.”
Il-proġetti f’punti...
- Belvedere fl-inħawi tal-Qanpiena tal-Assedju
- Bdil tal-bankini kollha tal-Belt Valletta
- Tisbiħ tal-ġnien Hastings
- Spazji miftuħa għat-tfal Beltin
- Aktar żoni pedonali fil-Belt Valletta
- Aktar parkeġġi mad-dawra tal-Belt u għar-residenti
- Wardens speċifiċi għall-Belt Valletta
- Bdiel tad-dawl fil-Belt Valletta
- Diskussjoni biex is-sotterani tal-Belt jinfetħu għall-pubbliku
- Studju dwar il-kwalità tal-arja
- Letrina ddedikata biss għat-tfal u l-ġenituri
- Fond biex in-negozji Beltin jagħtu xi ħaġa lura lill-Beltin