L-eks Chief of Staff ta’ Kastilja, Keith Schembri, f’avvidavit ġuramentat, ċaħad li kien b’xi mod involut fil-memorandum ta’ ftehim dwar il-bejgħ tal-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex lill-kumpanija Vitals Global Healthcare.
Fl-affidavit, Schembri jfarfar ir-responsabbilità kollha u tefagħha kollha fuq l-eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Mario Galea.
Schembri kkritika wkoll lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għax fi kliemu tatu talba bil-miktub għall-kummenti tlett ijiem wara d-data tal-għeluq.
“Niddikjara illi dan l-MOU ma nnegozjajtux jien, ma ktibtux jien, ma ffirmajtux jien u ma kelli l-ebda involviment fih,” iddikjara Schembri.
Insista li kważi kważi sar komdu li jispiċċa fil-mira għal dak kollu li wettaq jew li jiġi attribwit lill-Gvern li kien immexxi minn Joseph Muscat.
Ċaħad li serva bħala xi tip ta’ “id moħbija” fil-ftehim.