Il-MAM tħabbar direttivi industrijali ġaladarba l-Gvern ma waqqafx l-attivitajiet tal-massa

Il-MAM saħqet li l-Gvern qed jindaħal fix-xogħol  tas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika u kkritikat lill-PM li qed iħeġġeġ lin-nies imorru kontra l-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa

L-Assoċjazzjoni Maltija li tirrapreżenta t-tobba ħabbret direttivi li se jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat minħabba dak li sejħitlu bħala indħil min-naħa tal-Gvern fix-xogħol tas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika.

Il-MAM qed tordna li b’effett immedjat li t-tobba kollha fi gruppi vulnerabbli kif iddikjarati fl-avviżi legali ta’ Marzu li għadda għandhom jaħdmu biss fuq xogħol amministrattiv jew inkella mid-dar u ma jkollhomx kuntatt mal-pazjenti.

Ordnat ukoll li t-tobba l-oħra għandhom jgħinu fix-xogħol li normalment isir mit-tobba li huma meqjusa vulnerabbli minħabba l-etajiet jew mard kroniku tagħhom, biex hekk il-pazjenti kollha xorta waħda jingħataw it-trattament kollu li jkun hemm bżonn.

Jekk is-sitwazzjoni ma tinbidilx, min-nhar it-Tnejn li ġej, il-MAM se tkun qed tordna lill-membri kollha tagħha biex iwettqu biss id-dmir tagħhom f’każijiet ta’ emerġenza.

Il-MAM, fi stqarrija, ikkritikat il-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela u li fi kliemha jmorru kontra l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. Qalet li Abela għamel dan mhux biss bi kliem iżda anke bil-fatti hekk kif nhar il-Ħadd li għadda ġiet organizzata attività politika li għaliha attendew għadd kbir ta’ nies u anke kunċert għall-inawgurazzjoni ta' Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex u li għaż-żewġ attivitajiet ma kien hemm l-ebda distanza soċjali

Ikkritikat ukoll il-fatt li l-Ministeru għat-Turiżmu qed jibqa’ jirreklama attivitajiet tal-massa.

Il-MAM qed titlob li l-Gvern iwaqqaf immedjatament attivitajiet ta’ aktar minn 10 persuni u li l-permessi mogħtija għal attivitajiet tal-massa jkunu revokati.

Qed titlob ukoll li l-faċilitajiet kollha tas-saħħa jmorru lura għas-sistema ta’ emerġenza li bihom kienu qed jaħdmu bejn Marzu u Ġunju.

“Il-MAM tirriserva d-dritt li tieħu azzjoni legali kontra kull min bid-deċiżjonijiet tiegħu, jew bin-nuqqas tagħhom, jhedded il-ħajja ta’ xi ħadd mill-membri tagħha,” ittemm għid l-istqarrija.

Fl-aħħar jiem, wara l-party Hotel Takeover, Malta rat żieda sostanzjali fil-każi ġodda ta’ COVID-19 b’diversi assoċjazzjonijiet mediċi jappellaw lill-Gvern biex iwaqqaf l-attivitajiet tal-massa minnufih jew Malta tirriskja li titlef ir-riżultati pożittivi li kisbet fl-aħħar xhur fil-ġlieda kontra l-pandemija.

Aqra wkoll:

More in Politika