Fi stqarrija maħruġa mill-Konferenza Episkopali Maltija, l-Isqfijiet ta' Malta u Għawdex ħabbru li qed iwaqqfu uffiċjalment il-pellegrinaġġi għal matul is-sena 2020.
Iż-żewġ djoċesijiet kienu taw il-permess li jsiru pellegrinaġġi bil-vari titulari u sekondarji hekk kif is-sitwazzjoni tal-pandemija f'Malta kienet taħt kontroll, iżda wara l-aħħar żieda fil-każi, ittieħdet id-deċiżjoni li dawn jerġgħu jitwaqqfu.
Fl-aħħar jiem Malta rreġistrat żieda fil-każi wara għadd ta' każijiet li żviluppaw mill-party Holiday Takeover u anke mill-Festa ta’ Santa Venera.
Nhar il-Ħamis li għadda, hekk kif il-Gvern daħħal mill-ġdid xi restrizzjonijiet, kien deċiż li l-pellegrinaġġi jkunu limitati għal 100 persuna biss iżda dan qajjem tħassib fost diversi dilettanti tal-festi, anke għax fi kliemhom mhux possibbli tikkontrolla l-folol.
Anke l-Għaqda Każini tal-Banda kienet tat parir lill-membri tagħha biex ma jiħdux sehem fil-pellegrinaġġi minħabba dan il-limitu u insistiet li l-pellegrinaġġi għandhom jitwaqqfu.
Fil-fatt, kien hemm parroċċi, fosthom dik ta' San Duminku tal-Belt Valletta, li mill-ewwel ħassru l-pellegrinaġġ.
Dan ifisser li għal din is-sena, il-festa se tkun ridotta biss għall-quddiesa waħda fil-ġurnata li fiha normalment tiġi ċċelebrata l-festa jew inkella fil-jum liturġiku.