Kull sena 120 persuna f’Malta qed jiżviluppaw il-Melanoma
Kemm hi komuni l-Melanoma f’Malta? Biżżejjed is-sunblock biex tipproteġi l-ġilda? Il-Melanoma tista’ titfejjaq? Xemxata waħda tista’ tikkawża l-Melanoma? Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Kap tad-Dipartiment tad-Dermatoloġija

minn Yendrick Cioffi

Kull sena, medja ta’ 120 persuna qed jiżviluppaw il-Melanoma, l-aktar tip komuni ta’ kanċer tal-ġilda. Qal dan mal-gazzetta ILLUM Dr Lawrence Scerri li huwa l-Kap tad-Dipartiment tad-Dermatoloġija fl-Isptar Boffa.
Scerri spjega kif in-numru ta’ pazjenti ġodda bil-Melanoma kull sena mhuwiex wieħed żgħir u dan aktar u aktar meta jitqabbel mar-rata ta’ każi ġodda fl-aħħar snin. Fi kliem il-Kap tad-Dipartiment tad-Dermatoloġika, fl-aħħar 25 sena, ir-rata rdoppjat.
L-akbar riskju għall-iżvilupp tal-melanoma, ikompli jispjega Dr Lawrence Scerri hija l-ħsara mix-xemx, b’mod aktar korrett, il-ħsara kkawżata mir-radjazzjoni UV.
Dan ma jfissirx li xemxata waħda se tikkawża l-Melanoma. Fi kliem Scerri, il-Melanoma tkun ir-riżultat ta’ akkumulazzjoni ta’ ħsara mix-xemx.
Fi kliemu, xemxata waħda, hija biss musmar wieħed fit-tebut u għalhekk, anke jekk ġurnata waħda fix-xemx mhux se tiżviluppa l-kanċer, wieħed għandu xorta waħda joqgħod attent.

‘Ix-xemx sabiħa ... imma tista’ titradik’
“Ix-xemx hija sabiħa. Gawdiha b’mod prudenti. Tista’ titradik.” Hekk saħaq Scerri meta l-gazzetta ILLUM talbitu jispjega ftit passi sempliċi li wieħed jista’ jagħmel biex kemm jista’ jkun jevita li jiżviluppa l-Melanoma.
Din is-sena, forsi aktar minn sjuf oħra, ħafna qed iqattgħu jiem fuq il-bajjiet u għalhekk tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu dawn il-punti biex jipproteġi lilu nnifsu.
Dr Scerri appella biex kemm jista’ jkun, persuna tevita l-agħar ħinijiet tax-xemx, jiġifieri bejn l-10:30am u l-4:00pm u jfittex li joqgħod fid-dell kemm jista’ jkun.
Appella biex wieħed ma jagħmilx l-iżball u jaħseb li x-xemx tista’ tagħmel il-ħsara fis-sajf biss. Insista li anke fir-rebbiegħa, l-indiċi tar-radjazzjoni UV ikunu qawwija biżżejjed biex jagħmlu l-ħsara.
Fi kliem il-Kap tad-Dipartiment tad-Dermatoloġija, meta l-indiċi tar-radjazzjoni UV jimmarka sebgħa jew aktar, dan huwa meqjus sinifikanti u għalhekk wieħed għandu joqgħod aktar b’seba’ għajnejn.
“Għandek medja ta’ sitt xhur fis-sena meta x-xemx tkun perikoluża ħafna,” insista.
Apparti l-Melanoma, hemm ukoll l-aspett kożmetiku. Lawrence Scerri spjega kif l-espożizzjoni kontinwa għax-xemx se xxejjaħlek il-ġilda qabel iż-żmien.

‘Ilbes ħwejjeġ addattati’
Normalment, meta wieħed jisma’ lil xi ħadd iwissih biex jipproteġi lilu nnifsu mir-raġġi tax-xemx, l-ewwel li jiġih f’moħħu huwa s-sunblock. Iva, dan importanti, iżda mhux kollox. Ejjew għalissa nħalluh fil-ġenb.
Is-sħana, speċjalment fis-sajf Malti, ħafna drabi ma tissaportihiex u għalhekk kulħadd iqaċċat. Min b’żaqqu barra u min b’xi flokk perpura biċ-ċingi. Iżda l-parir tad-dermatologu huwa differenti.
Scerri ma qalilnix biex fl-eqqel ta’ Lulju noħorġu bil-kowtijiet, iżda appella biex kemm jista’ jkun wieħed jilbes ħwejjeġ li huma addattati għax-xemx.
“Jekk tista’ tilbes flok bin-nofs komma, aħjar milli tilbes flokk taċ-ċingi,” insista Scerri. Ta’ min ifakkar li jeżistu wkoll ħwejjeġ apposta li jkollhom it-tabella UPF – Ultraviolet Protective Factor.
Fost oħrajn, Scerri appella għall-ilbies ta’ kpiepel li jkunu jgħattu mhux biss ir-ras iżda kemm jista’ jkun anke l-għonq.
L-użu tan-nuċċali tax-xemx ukoll huwa importanti. Id-dermatologu fakkar li r-raġġi UV mhux biss jikkawżaw il-Melanoma iżda maż-żmien anke l-kataretti.
Hawnhekk jidħol fl-istorja s-sunblock. Fejn ma tistax tgħatti, ikompli d-dermatologu, applika fuqu s-sunblock li jkun qawwi biżżejjed.
Fakkar ukoll li l-effett tas-sunblock jgħaddi madwar sagħtejn jew tlieta wara li jkun applikat u għalhekk wieħed ma għandux iserraħ rasu jekk sejjer ġurnata baħar u japplika s-sunblock darba biss malli jasal.

‘Ix-xemx mhux fuq il-bajjiet biss qiegħda’
“Ix-xemx ma tagħżilx. Mhux se tgħid għax dawk qiegħdin fuq il-bajja u l-oħrajn le. Ix-xemx qiegħda kullimkien. Anke f’karozza.” Hekk kompla jisħaq mal-ILLUM id-dermatologu biex jinsisti dwar il-fatt li wieħed irid joqgħod attent mix-xemx mhux fuq il-bajjiet biss iżda kullimkien.
Kien hawn li appella lill-ħaddiema li jaħdmu fuq barra biex ukoll jieħdu ħsieb. Għalihom japplikaw ukoll l-appelli biex jilbsu kappell, nuċċali tax-xemx, ħwejjeġ adegwati u anke japplikaw is-sunblock.
Semma fost oħrajn, lid-delivery persons. Faħħar dawk il-kumpaniji li fix-xhur tar-rebbiegħa u s-sajf ibiddlu l-ħinijiet li fihom id-delivery persons tagħhom joħorġu jqassmu x-xogħol u dan biex jevitaw li jkunu fit-toroq fl-agħar ħinijiet tax-xemx.
Ovvjament hemm ħaddiema oħra li ma jistgħux jagħmlu mod ieħor, fosthom il-ħaddiema tal-kostruzzjoni.
“Jekk int ħaddiem tal-kostruzzjoni vera ma tistax taħdem f’ħinijiet oħra, iżda kappell tista’ tilbsu. Flok tilbes flok taċ-ċingi, ilbes flok tan-nofs komma. Il-prevenzjoni ssir b’affarijiet żgħar,” kompla jappella d-dermatologu.

Kif tinduna li żviluppajt il-Melanoma?
Jekk il-Melanoma tinqabad kmieni, ir-rata tal-fejqan hija għolja ħafna! Għalhekk importanti li kulħadd, speċjalment dawk li jqattgħu ħafna ħin fix-xemx, iżommu għajnejhom miftuħa.
Id-dermatologu spjega kif sinjal ewlieni li persuna tkun żviluppat il-Melanoma hija dabra jew boċċa skura, x’aktarx tagħti fil-kannella, li tinbidel fuq perjodu ta’ ftit ġimgħat jew inkella ta’ ftit xhur.
Din il-bidla, spjega Scerri trid tkun waħda konsistenti u spontanja u sseħħ fuq perjodu qasir ta’ żmien.
“Jekk għandek azza li tolqotha u minnha joħroġ id-demm u tinbidel ma jfissirx li għandek il-Melanoma. Il-bidla trid tkun waħda spontanja u sseħħ f’qasir żmien,” insista d-dermatologu.
Din id-dabra tista’ tiżviluppa jew mix-xejn, jew inkella tkun azza li minn dejjem tkun fuq il-ġilda iżda li f’salt wieħed, dejjem fuq perjodu qasir ta’ żmien, tinbidel.
“Azza ġeneralment tiżviluppa maż-żmien, mal-età tal-persuna. Tista’ teħxien jew inkella tikber jew tbiddel il-kulur. Azza tkun sinjal ta’ Melanoma jekk il-bidla ssir f’qasir żmien u tkun waħda spontanja,” tenna Lawrence Scerri.
Kien hawn li spjega kif persuna tista’ dejjem tieħu sett ta’ ritratti tal-azez li għandha, jew inkella ta’ partijiet mill-ġisem biex minn żmien għal żmien tkun tista’ tikkumpara.
“Din darba biss se tagħmilha iżda jkollok baseline li tkun tista’ tikkumpara miegħu,” kompla jispjega.

Hemm persuni li huma aktar f’riskju minn oħrajn?
Kull persuni li tesponi lilha nnifisha kontinwament u għal ħin twil għax-xemx qed iżżid ir-riskju li tiżviluppa l-Melanoma.
Madanakollu, ikompli jispjega l-Kap tad-Dipartiment tad-Dermatoloġija, hemm persuni li huma aktar f’riskju minn oħrajn.
Fost dawn hemm persuni li l-ġilda tagħhom hija bajdanija u dawk li għandhom ħafna azez.
Dawn, aktar minn oħrajn, għandhom jipprevenu u anke jiċċekjaw lilhom infushom aktar ta’ spiss.
Fost persuni oħra li jistgħu jkunu aktar f’riskju minn oħrajn hemm dawk li kellhom qraba li żviluppaw il-Melanoma. Għalhekk, anke f’dan it-tip ta’ kanċer, il-ġenetika tista’ tilgħab logħba importanti

Bil-Melanoma jmutu nies? Tista’ tfieq?
Id-Dermatologu spjega kif ħafna drabi l-każi ta’ Melanoma jinqabdu fi stadju bikri u meta dan iseħħ ir-rata ta’ fejqan hija waħda għolja ħafna.
Fil-fatt, fi kliemu, minkejja li fis-sena jkun hawn madwar 120 persuna li jiżviluppaw dan it-tip ta’ kanċer fil-ġilda, imutu biss medja ta’ madwar 8 persuni.
Il-maġġoranza tal-każi jkunu fost persuni li jkollhom bejn il-25 u l-50 sena. Fost tfal li għandhom inqas minn 16-il sena, il-Melanoma hija rarissima ħafna, forsi anke għax il-ġenituri joqogħdu ħafna attenti biex it-tfal ma jkunux esposti ħafna għax-xemx.
Mistoqsi xi jsir f’każ li persuna tissuspetta jew ikollha l-Melanoma, id-dermatologu spjega kif issir operazzjoni sempliċi fejn id-dabra suspettuża titneħħa. Magħha ġieli titneħħa biċċa ġilda oħra. Dawn jintbagħtu f’laboratorju għat-testijiet u jekk jirriżulta li l-persuna tkun żviluppat il-Melanoma tibda t-terapija.
“Il-maġġoranza tal-każi jinqabdu fi stadju bikri u jitfejqu. Għalhekk importanti li żżomm għajnejk miftuħa,” inista.

‘Ħallikom milli tħossukom cool’
L-aħħar appell tad-dermatologu kien għaż-żgħażagħ biex ma jaqgħux għall-pressjoni ta’ sħabhom.
“Forsi teżisti tendenza fost iż-żgħażagħ li għax tagħmel is-sunblock meta tmur il-baħar ma tkunx cool. Ħallikom milli tkunu cool u ħudu ħsieb saħħitkom. Din hija mentalità li trid tinbidel,” temm jisħaq Scerri.

