Wara l-laqgħa tal-Kabinett li saret dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela talab li nhar il-Ħamis li ġej jitlaqqa’ l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex tkun diskussa l-pożizzjoni ta’ Malta fl-isfond tal-pandemija Covid-19.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru saħaq li Abela ħa din id-deċiżjoni wara li sema’ x-xewqa tal-imsieħba soċjali għal iktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni preżenti u t-triq ‘il quddiem.
Il-Prim Ministru kien ikkritikat minn bosta fl-aħħar jiem għas-skiet tiegħu fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar jiem Malta rreġistrat żieda sostanzjali fil-każi ta' COVID-19 u anke wara li lbieraħ qal li "n-numri telgħu minħabba li salvajna l-immigranti."
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija li tirrappreżenta lit-tobba saħqet li Abela ma jistax ifarfar it-tort minn fuq spallejh billi jitfa' l-ħtija fuq l-immigranti li waslu Malta.
L-għadd tal-każi attivi f'Malta bħalissa huwa ta' 215. Fl-aħħar 24 siegħa nstabu 16-il ġdid.