"M'għandi ebda diffikultà li tkun riveduta l-maħfra Presidenzjali lil Melvin Theuma." Hekk sostna l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat meta mistoqsi minn din il-gazzetta dwar il-maħfra lil Theuma u għaliex ma ngħatatx maħfra (ukoll?) lil Vince Muscat - magħruf bħala l-Koħħu - li huwa wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Kien hu li fil-fatt beda jikxef informazzjoni u li semma' lil Melvin Theuma għall-ewwel darba, kien xehed l-eks avukat tiegħu Arthur Azzopardi. Theuma stess fil-Qorti kien qal li l-Koħħu "kien lest jikxef kollox dwar seba' omiċidji. Kollox ħlief is-serqa tal-HSBC (10 snin ilu), " li fil-fatt kien akkużat illi kien imdaħħal fiha.
Muscat ifakkar li hu qabel ma' din il-maħfra biss fuq il-premessa li Theuma jagħti informazzjoni "sħiħa, konklussiva u veritiera fuq dan u kull każ li seta' kien involut fih" u li dan fil-fatt seħħ wara talba mill-avukat ta' Theuma u l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Għall-mistoqsijiet tal-ILLUM dwar min kienet il-persuna li tat il-parir li tintgħata maħfra lil Melvin Theuma Muscat spjega illi l-attitudni tiegħu kienet li idealment il-każ jissolva mingħajr l-użu ta' din l-għodda, "anki għaliex l-użu tagħha storikament f'pajjiżna ma tantx wassal għal riżultati. Anki wara li ħadt numru ta' pariri, u qabel kien hemm xi talba, il-linja gwida kienet li rakkomandazzjoni għall-Proklama tingħata biss jekk tkun l-uniku mod li wieħed jasal għal allegat mandant, mingħajr il-bżonn ta' maħfriet oħra, u biex wieħed jibni każ b'saħħtu quddiem il-Qorti."
Fakkar ukoll li punt kruċjali ta' din maħfra, bħal kwalunkwe, huwa li dak li tingħatalu jgħid il-verità kollha.
L-ILLUM staqsiet ukoll lil Muscat jekk kienx jaf dwar allegazzjonijiet ta' flus u ħlasijiet lill-eks Kummissarju tal-Pulizija biex tkun tista' tingħata din il-maħfra.
"Ma kelli l-ebda informazzjoni dwar li setgħu għaddew xi flus b'relazzjoni ma' din il-maħfra," jibda jwieġeb Muscat. Qal illi kien ġie mgħarraf li l-Kummissarju seta' kellu kuntatt ma' terzi rigward l-arrest u li l-Magistrat kienet ukoll mgħarrfa dwar dan kollu.
Aktar tard irriżulta li din il-persuna kienet Edwin Brincat magħruf bħala l-Ġojja.
Huwa qal li kien mgħarraf li din is-sitwazzjoni se tiġi "analizzata mill-awtoritajiet kompetenti" u l-għada fil-fatt kienet "cleared".
"Jien ma kelli l-ebda informazzjoni dwar azzjonijiet illeċiti minn Lawrence Cutajar," itemm jgħid Muscat.