L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ippubblika l-ittra li kien bagħat fit-13 ta' Jannar li għadda lill-President George Vella biex jinfurmah li kien qed jirriżenja minn Prim Ministru.
Fl-ittra qasira u dritt għall-punt, li l-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika kien irrifjuta li jippubblika, Muscat kien informa lill-President li kien qed jagħmel dan wara li ġie elett mexxej ġdid Laburista. Din kienet l-uniku raġuni mogħtija minn Muscat għar-riżenja tiegħu fl-ittra lill-President.
Spjega lill-President li l-Kabinett kien jaf b'din id-deċiżjoni.
Muscat jirringrazzja lill-President u lill-Poplu Malti għall-privileġġ, li fi kliemu tah, biex imexxi lill-pajjiż "b'maġġoranzi bla preċendent u waħda akbar mill-oħra."
L-eks Prim Ministru qal li ppubblika din l-ittra b'konsultazzjoni mal-Uffiċċju tal-President biex ikunu evitati spekulazzjonijiet inutli.
Muscat kien ħabbar l-intenzjoni li se jirriżenja lejn l-aħħar ta' Novembru u dan wara jiem ta' inċertezza politika fil-pajjiż u protesti fit-toroq wara l-arrest ta' Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black, akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
L-eks Prim Ministru kien ukoll ikkritikat talli aċċetta rigali mingħand l-istess Fenech u dan meta kien magħruf li hu s-sid ta' 17 Black. Kien ikkritikat ukoll li baqa' jiddefendi liċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, li hu stess iddeskriva lil Fenech bħala ħabib tiegħu.
Il-ġimgħa li għaddiet, Muscat kien imsejjaħ id-Depot tal-Pulizija biex ikun mistoqsi dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u dan wara li Yorgen Fenech, l-allegat mandant, kien qal lill-Pulizija li Joseph Muscat kien staqsih personalment jekk isem Keith Schembri jirriżultax fir-recordings ta' Melvin Theuma.
Il-MaltaToday kienet irrapportat ukoll kif Fenech kien allega li hu u Muscat iddiskutew lil Melvin Theuma fil-bidu tal-2019, darba fil-festin ta’ għeluq snin l-eks Prim Ministru fil-Girgenti u l-oħra meta ssejjaħ għal-laqgħa ma’ Muscat u Schembri f’Kastilja.
Muscat ċaħad dan kollu u insista li l-Pulizija assigurawh li huwa mhux qed ikun investigat jew meqjus persuna ta' interess fil-qtil tal-ġurnalista.
Intant, ilbieraħ, il-gazzetta ILLUM ippubblikat it-tweġibiet li Muscat ta lill-istess gazzetta fejn insista li hu ma jsib l-ebda oġezzjoni kieku kellha tiġi riveduta l-Maħfra Presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma fi żmien li hu kien Prim Ministru.