Victoria Buttigieg, li fl-aħħar xhur kienet qed isservi bħala Avukat tal-Istat, intagħżlet bħala l-Prosekutur tal-Istat, jew aħjar bħala Avukat Ġenerali.
Buttigieg, li se tibda bl-irwol il-ġdid tagħha llum, se tkun l-ewwel mara li se sservi f’din il-kariga.
Hija kienet saret l-ewwel Avukat tal-Istat malli kien inqasam l-irwol tal-Avukat Ġenerali biex dan ma jibqax iservi bħala Prosekutur tal-Istat u Konsulent legali għall-Gvern fl-istess ħin.
Buttigieg kienet waħda mit-tliet kandidati li tefgħu isimhom wara r-riżenja ta’ Peter Grech. Magħha kien hemm Philip Galea Farrugia li jservi bħala Deputat Avukat Ġenerali u Chris Soler li jgħallem il-liġi fl-Università ta’ Malta.
Din kienet l-ewwel darba li l-Avukat Ġenerali ntagħżel wara sejħa pubblika. Kien kumitat indipendenti, magħmul minn tliet imħallfin irtirati, li għażel lil Buttigieg u ppreżenta r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Prim Ministru. Il-President ta’ Malta kellu l-aħħar kelma.
Intant, id-Deputat Jason Azzopardi ma tantx jidher li laqa’ din l-għażla u insista li Buttigieg qatt ma ressqet każ wieħed kriminali fil-karriera tagħha.
B’ton sarkastiku saħaq li “Peter Grech reġa’ sar Avukat Ġenerali,” u insista li "l-konsegwenzi mhux se jkunu sbieħ."