Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg dalgħodu żaru s-sit tas-Central Link Project fejn infetħet l-ewwel triq ġdida fid-direzzjoni lejn il-Punent. It-triq fiha żewġ korsiji u għalissa testendi mill-Imrieħel sa Wied Inċita u ladarba jitlesta l-proġett se tibqa’ sejra sa Ta’ Qali fejn se tingħaqad mar-roundabout ta’ taħt it-Telgħa tas-Saqqajja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Abela qal li dan il-proġett hu parti mill-viżjoni li nieda fl-aħħar ġimgħat biex pajjiżna jkollu infrastruttura moderna li toffri kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.
Abela fakkar li dan l-investiment ta’ €55 miljun mistenni jnaqqas il-konġestjoni bin-nofs u se jwassal għal titjib tanġibbli fil-kwalità tal-arja u fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti fl-irħula li jmissu mal-proġett, dan hekk kif is-Central Link Project hu maħsub biex jiġbed il-vetturi mill-irħula lejn l-arterja ewlenija bil-bini mill-ġdid ta’ 13-il ħolqa differenti u l-eliminazzjoni ta’ 4 sistemi ta’ traffic lights tul kuridur ta’ 4.3 kilometri mill-inħawi tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji fl-Imrieħel sar-roundabout ta’ taħt it-Telgħa tas-Saqqajja fl-inħawi ta’ Ta' Qali.
Il-Prim Ministru Abela qal li dan il-proġett se jaffettwa b’mod tajjeb madwar 30,000 sewwieq kuljum filwaqt li se jintroduċi diversi faċilitajiet bħal passaġġi pedonali u l-itwal korsija għaċ-ċiklisti f’Malta. Il-proġett jinkludi wkoll madwar 24,000 metru kwadru ta’ landscaping.
Huwa rrimarka wkoll dwar l-effiċjenza li biha qed jitwettaq dan il-proġett u qal li dan ma sarx b’kumbinazzjoni iżda għax kien hemm tmexxija tajba li hija xhieda ta’ gvern dinamiku u żagħżugħ li minkejja l-limitazzjonijiet li kellu fl-aħħar xhur, mhux biss baqa’ għaddej iżda żied u se jkompli jintensifika ħidmietu biex jagħmel il-ġid lill-pajjiżna.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza tal-fondi Ewropej u fakkar kif għall-Budget Ewropew għall-perjodu 2021-2027, il-Gvern irnexxielu jikseb €2.25 biljun, jiġifieri d-doppju tal-fondi li nkisbu fl-2012. Huwa fisser dan il-budget bħala ambizzjuż li minnu se jkompli jsir ħafna ġid lill-pajjiżna bi proġetti bħal dak tas-Central link.
Il-Ministru Ian Borg qal li dan il-proġett juri l-mod ħolistiku ta’ kif dan il-Gvern jippjana l-ħidma tiegħu. Huwa qal li din hija l-amministrazzjoni li ħadet deċiżjoni favur benefiċċji fit-tul għar-residenti ta’ pajjiżna li jivvjaġġaw mit-toroq arterjali ta’ kuljum. Il-Ministru fakkar li dan il-proġett ikompli jsolvi numru ta’ bottlenecks tul rotta kruċjali u qal li l-iżvilupp tal-lum ikompli jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jwassal il-proġetti sad-destinazzjoni tagħhom.
It-triq li nfetħet illum tevita tliet traffic light junctions tul ir-rotta lejn Wied Inċita f’Ħ’Attard. Issa li nfetħet it-triq, il-korsiji li qabel kienu jintużaw fl-istess direzzjoni fi Triq iż-Żagħfran, Triq in-Nutar Zarb u Triq l-Imdina qed jintużaw fid-direzzjoni opposta. B’hekk qed tiżdied korsija oħra fid-direzzjoni lejn il-Lvant ukoll. Dan it-tibdil qed jindirizza bottleneck fi Triq l-Imdina fl-inħawi ta’ Ħal Warda. Taħt il-korsiji l-ġodda ġew imwaħħla numru ta’ servizzi u fl-aħħar fażijiet tal-proġett kollu, Infrastructure Malta se ssaħħaħ it-triq il-ġdida b’saff finali ta’ polymer modified asphalt.
Is-Central Link Project huwa parzjalment finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.