Titfakkar it-tielet sena mill-assassinju ta' Daphne ... Dokumentarju dwar dak li ġara wara

Repubblika, Occupy Justice u Manel Delia b'dokumentarju ta' dak li ġara wara s-16 ta' Ottubru 2017

Bħal-lum eżatt tliet snin ilu kienet assasinata Daphne Caruana Galizia:  Ġurnalista u blogger li heżżet il-fundamenti politiċi b'diversi stejjer, akkużi, kritika u allegazzjonijiet matul is-snin li fihom kienet tikteb fuq il-blogg bl-isem 'Running Commentary'.  Caruana Galizia inqatlet b'karozza bomba barra d-dar tagħha fil-Bidnija nhar is-16 ta' Ottubru 2017. 

Dan l-assasinju qajjem moviment ta' protesti minn dakinhar stess li nqatlet u għal kull 16 tax-xahar, bl-akbar protesti jkunu organizzati fi tmiem is-sena l-oħra, protesti li saru wara li kien arrestat Yorgen Fenech u ġew żvelati l-konnessjonijiet li dan kellu ma' Keith Schembri, fost oħrajn.  Dan apparti li nħoloq dak li jissejjaħ id-Daphne Project - konsorzju ta' ġurnalisti li komplew jaħdmu fuq stejjer li kienet qed taħdem fuqhom Caruana Galizia.  Fosthom huma żvelaw li 17 Black kienet ta' Yorgen Fenech u li din il-kumpanija fid-Dubaj kienet target client tal-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi.  Kienet Caruana Galizia l-ewwel li żvelat illi Mizzi u Schembri kellhom kumpaniji fil-Panama, ftit qabel ma' dawn kienu leaked mill-ICIJ, konsorzju internazzjonali ta' ġurnalisti.

Fi ftit żmien attivisti, ġurnalisti u diversi politiċi oħrajn ingħaqdu f'investigazzjonijiet, protesti u messaġġi ta' kuraġġ. 

L-għaqda Repubblika flimkien ma' #occupyjustice u manueldelia.com ipproduċew dokumentarju dwar Daphne Caruana Galizia bl-isem 'When They come Undone' u fih diversi xhieda jgħidu l-istorja tagħha, ta' kif inqatlet u tal-inkwiet politiku fl-aħħar tas-sena l-oħara li wassal għar-riżenja tal-eks PM Joseph Muscat,. l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Intant aktar kmieni llum preżenti fil-Bidnija - fil-post fejn spiċċat il-karozza ta' Caruana Galizia wara l-isplużjoni -  kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien ma' martu, b'Peter u Matthew Caruana Galizia preżenti fuq il-post ukoll.

Dan id-dokumentarju se jkun riprodott f'din l-istorja wara t-8:00 p.m

 

More in Politika