L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) innutat illi x-xejra 'l fuq ta' każi u persuni li qed ikollhom jiddaħħlu l-isptar se jwasslu "b'mod inevitabbli għal aktar imwiet. Sfortunatament l-agħar għadu ġej," twissi l-MAM. Għalhekk dwar il-miżuri mħabbrin ilbieraħ mill-Gvern l-assoċjazzjoni sostniet illi filwaqt illi tilqa' l-miżuri, li tgħid illi kollox ma' kollox jirriflettu dak li kienet ilha tinsisti minn Awwissu, "nibqgħu mhux konvinti dwar ir-rieda li jsir infurzar."
Kien hawn li l-MAM sostniet illi miżuri superfiċjali fil-fatt waslu biex il-virus jinfirex b'mod qawwi u mhux rażżnuh. "Infurzar superfiċjali flimkien ma' multi superfiċjali jew li jinħafru wasslu għal attivitajiet tal-massa f'postijiet bħal Belt Valletta u Paceville," wissiet il-MAM. Hija qalet illi l-għeluq tal-istabbilimenti fil-11:00 p.m mhi se jkollha ebda impatt filwaqt li l-multi ta' €800 huma baxxi wisq u ma jawgurawx tajjeb.
L-Assoċjazzjoni qalet illi l-attitudni tal-Gvern ta' business as usual u normalità "falza" wasslet għal riżultati ħżiena u "numru rekord ta' każi li jfisser illi kemm is-saħħa kif ukoll l-ekonomija Maltija sofrew bil-kbir."
Il-MAM ikkritikat ukoll l-ittestjar fl-ajruport bi 15-il test kuljum, xi ħaġa li l-MAM qalet li hija superfiċjali wkoll, għalhekk ipproponiet li kull passiġġier li jasal Malta jkun ittestjat minflok.
Il-MAM laqgħet il-miżura tal-maskri u ħeġġet biex ikunu promovut aktar it-telework.