Madwar 50 operazzjoni, u saħansitra f'xi ġranet aktar, ġew ikkanċellati kuljum fl-aħħar tliet ġimgħat hekk kif numru ta' infermiera minn teatri tal-operazzjonijiet kellhom jikkanċellaw listi tal-operazzjoni li kellhom jaħdmu fuqhom sabiex ikunu jistgħu jgħinu fl-ITU. Dan minħabba żewġ fatturi: Iż-żieda fil-pazjenti li kellhom jiddaħħlu l-ITU minħabba l-Covid-19 u n-nuqqas ta' infermiera b'mod ġenerali.
Dan żvelah ma' din il-gazzetta l-President tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace li saħaq illi sabiex dawn l-infermiera - li fakkar illi m'humiex speċjalizzati għall-ITU u allura bilfors jeħtiġilhom superviżjoni - jkunu jistgħu jgħinu, qed jiġu kkanċellati madwar 11-il lista kuljum. Pace spjega illi kull lista jkollha numru ta' operazzjonijiet li dak it-tabib ikun se jagħmel bil-lista tikber jew tiċkien skont in-natura tal-operazzjoni. Ċerti listi ta' operazzjonijiet żgħar ikun fihom ħafna u ta' tabib li jkollu operazzjonijiet ikbar ikollu ftit.
Pace qal illi kuljum qed ikun hemm 20 infermier fl-ITU "misluf" li qed ikun taħt superviżjoni ta' tabib speċjalizzat tal-ITU. Dan ifisser illi l-infermiera f'dan il-unit qegħdin maqsumin: Dawk li huma infermiera propji tal-ITU li qed jaħdmu fuq il-Covid-19 u dawk li qed jgħinu fil-parti tal-ITU fejn jidħlu l-każijiet li mhumiex Covid-19, li qegħdin ukoll jagħmlu s-superviżjoni.
Paul Pace sostna illi minkejja li għalissa s-sitwazzjoni qed tiġi immaniġġjata billi jisselfu infermiera li suppost qed jagħmlu xogħol ieħor f'wards tal-Isptar, jekk in-numri tal-Covid-19 ikomplu telgħin u allura jogħla ċ-ċans li jiżdiedu l-pazjenti fl-ITU, l-isptar se jkollu problema.
15-il infermier, one-to-one suppost...
Pace jispjega kif fl-ITU normalment jaħdmu 15-il infermier fi kwalunkwe ħin. Huwa fakkar illi f'dan il-unit fejn pazjent ikun jeħtieġ attenzjoni akbar is-sistema hija fuq bażi one-to-one - jiġifieri infermier għal kull pazjent.
Huwa qal illi kif inhi s-sitwazzjoni bil-Covid-19 ġieli qed jispiċċaw infermier għal tliet pazjenti.
Per eżempju, sal-bieraħ nies fl-ITU kien hemm sitta li jfisser illi sitta, mill-15, iridu jkunu mal-pazjenti tal-Covid-19. Naturalment għandek l-ITU normali mbagħad fejn jidħlu persuni li jkunu f'qagħda ħażina u għal darba oħra hemm bżonn infermier għal kull wieħed, f'ċirkostanzi normali.
Pace spjega li dan ifisser illi jekk il-pazjenti fl-ITU jitilgħu għal 20, numru li qal illi mhuwiex kompletament improbabbli bis-sitwazzjoni kurrenti tal-Covid, ikollok problema kbira ta' nuqqas ta' ħaddiema.
'Prezz għoli!'
"Dan huwa l-prezz għoli li qed inħallsu bħala pajjiż għal nuqqas ta' infermiera. Per eżempju ħadna żewġ infermiera mir-Renal Unit darba minnhom biex ngħinu u minn dan il-unit telqulna erbgħa. Ara ma taħsbux li jiena niġġieled u nsemma' leħni għax, kif jgħidu, negattiv. Nitkellem għax hawn problema!"
Huwa fakkar li man-numru ta' infermiera wieħed irid jiftakar illi hemm il-leave u l-leave tal-mard ukoll. "Dawn mhumiex magni, jiġifieri kollox trid tieħu f'kunsiderazzjoni."
Kien is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea li mal-ILLUM f'Ġunju li għadda sostna li l-pajjiż għandu bżonn madwar 500 infermier ġdid f'dak li jirrigwarda sptar u kull servizz li jaqa' taħt il-Ministeru tas-Saħħa. Hu kien ħeġġeġ biex 267 infermier barrani li qed jistennew biex jibdew jaħdmu Mater Dei, jingħatalhom il-permess ħalli jibdew.
Ilbieraħ ma' din il-gazzetta Pace qal li dan ġarax, "u meta staqsejnihom fejn huma dawn l-infermiera qalulna għax Identity Malta għadha ma proċessatx il-karti! Tlieta biss daħlu. "
Huwa qal li apparti dan, anke infermiera barranin li ġew pajjiżna minn pajjiżi bħall-Indja qed jitilqu, "għaliex ma ninsewx ta," qal Pace, "aħna qed nikkompetu mal-Ewropa u anke dawn li ġew minn barra qed jitilqu."
Mistoqsi x'tip ta' operazzjonijiet qed jiġu kkanċellati biex tingħata l-għajnuna fl-ITU Pace saħaq illi kull tip ta' operazzjoni qed tkun ikkanċellata.
"Qed nikkanċellaw l-operazzjonijiet u għax m'għandniex biżżejjed infermiera qed ibati l-aktar il-pazjent għax qed inħalluh jistenna. U kif inhi s-sitwazzjoni mhux dejjem nafu kemm se nħalluh jistenna."