Baġit 2021 | Żieda ta' €5 fil-ġimgħa għall-pensjonanti u mhux biss...
Intant l-anzjani kollha li għandhom minn 70 sena 'l fuq se jibdew jivjaġġaw b'xejn meta jużaw tal-linja
minn Yendrick Cioffi
Fil-Baġit għas-sena d-dieħa, il-Gvern ħabbar ukoll li apparti ż-żieda tal-COLA, jiġifieri ta' €1.75, il-pensjonanti kollha se jerġa' jkollhom żieda fil-pensjoni tagħhom ta' €3.25, biex hekk b'kollox, se jkunu qed jieħdu €5 aktar fil-ġimgħa.
Din tfisser żieda ta’ €260 fis-sena lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali, kemm dawk pensjonanti tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità kif ukoll dawk li jirċievu l-pensjoni mhux kontributorja tal-età. B’hekk se jibbenefikaw 93,000 pensjonant.
L-anzjani li jgħixu fi djarhom jew fi djar residenzjali privati se jkomplu jingħataw l-għotja ta' €300 jekk għandhom 75 sena jew aktar u €350 jekk għandhom 80 sena jew aktar.
Aġġustament għal ħelsien mit-taxxa fuq pensjonijiet
Biex iż-żidiet li qed jingħataw fil-pensjonijiet ma jkunu intaxxati, il-Gvern ħabbar ukoll li mill-ġdid se jkun qed jgħolli l-massimu ta' dħul minn pensjonijiet, li mhux se jkun intaxxat biex issa se jkun jammonta għal €14,058.
Barra minn hekk, dawk il-koppji b’pensjoni u għandhom komputazzjoni ta’ miżżewġin sejrin jiżdidilhom għal €3,600 id-dħul ieħor li jkun eżentat minn ħlas ta’ taxxa. B’hekk dawn il-pensjonanti mis-sena d-dieħla b’kollox se jiffrankaw ħlas ta’ taxxa għal massimu €744.
Aktar għajnuna għal dawk li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari
Il-Gvern ħabbar ukoll li mis-sena d-dieħla, se jkun qed jaġġorna l-mekkaniżmu ta' kif jinħadmu r-rati tal-għajnuna supplimentari, liema rati massimi, maħduma skont id-dħul u l-istat konjugali tal-persuna, ser jiżdiedu bejn €70 ewro u €108.
Barra minn hekk, is-suppliment addizzjonali ta’ €150 ewro li beda jingħata lill-persuni ta' 65 sena jew aktar li jkunu f’riskju ta’ faqar, se jkun qed jingħata lil kull persuna ta’ 65 sena jew akbar li tikkwalifika għall-Għajnuna Supplimentari.
(L-Għajnuna Supplimentari titħallas lill-koppji u persuni li jgħixu waħedhom bi dħul baxx).
U dawk li ma jikkwalifikaw għall-ebda pensjoni?
Hemm diversi persuni, li għandhom 65 sena jew aktar, partikolarment nisa, li kienu telqu kmieni mix-xogħol u għalhekk ma ħallsux biżżejjed bolla biex ikunu jistgħu jieħdu l-pensjoni.
Il-Baġit ħabbar li għat-tielet darba, dawn se jingħataw żieda oħra ta’ €50, fil-bonus annwali tagħhom.
B’hekk issa persuni li ħallsu anqas minn ħames snin bolol ser jibdew jieħdu bonus ta’ €250 ewro, u dawk li ħallsu aktar minn ħames snin bolol, il-bonus tagħhom ser jitla’ għal €350 ewro.
Ġustizzja ma’ persuni li ħallsu bolol qabel l-età ta’ 19-il sena
Il-Gvern ħabbar ukoll li mis-sena d-dieħla, persuna li tkun twieldet qabel l-1962 u ma tikkwalifikax għall-pensjoni bil-kontribuzzjonijiet li jkollha wara l-età ta’ 19-il sena, se jibdew jgħoddulha dawk il-bolol li tkun ħallset qabel għalqet l-età ta’ 19-il sena, jiġifieri meta kellha 16, 17 u 18-il sena.
Jekk tilħaq il-minimu meħtieġ, persuna tibda tikkwalifika għall-pensjoni minima mnaqqsa.
Pensjonanti tas-Servizz
Se terġa' tiżdied b’€200 l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li mhux se jiġi kkunsidrat għall-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali, biex b’hekk is-somma eżentata fl-2021 ser titla’ €2,866.
Għal dawk il-pensjonanti tas-servizz li matul is-sena jagħlqu 72 sena jibdew igawdu wkoll minn titjib fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom.
Dan billi meta tiġi kkomputata l-pensjoni tagħhom, ħamsa u għoxrin fil-mija biss tal-ammont tal-pensjoni tas-servizz tkun qed tiġi kkunsidrata għal komputazzjoni.
Tal-Linja Card b’xejn għall-Anzjani 70+
Intant, l-anzjani kollha li għandhom minn 70 sena 'l fuq se jibdew jivjaġġaw b'xejn meta jużaw tal-linja.
Fil-preżent, anzjan ried ikollu ’il fuq minn 75 biex jibbenefika minn trasport pubbliku b’xejn.