Baġit 2021 | Mill-vouchers sal-fast-ferry ... Il-GTA sodisfatta bil-Baġit

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu tisħaq li Għawdex jista' jisfrutta n-niċeċ tal-ekonomija l-ħadra u d-diġitilizzazzjoni biex jiddiversifika l-ekonomija tiegħu

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, filwaqt li nnutat li l-Baġit għas-sena d-dieħla ma introduċa l-ebda miżura fiskali diretta għall-industrija tat-turiżmu f’Għawdex, madanakollu dehret pożittiva ħafna bil-miżuri mħabbra.

Fi stqarrija, b’reazzjoni għall-Baġit, il-GTA saħqet li wieħed jifhem li dan il-Baġit tressaq fi żmien straordinarju u għalhekk kien mistenni li jkunu introdotti mill-ġdid miżuri finanzjarji li l-għan tagħhom huwa li jistimolaw l-attività ekonomika.

Faħħret l-introduzzjoni tal-iskema tal-vouchers u l-estensjoni tas-suppliment tal-paga. Fi kliemha, s-suppliment tal-paga se jkun qed jgħin lill-istabbilimenti turistiċi Għawdxin biex jgħaddu mix-xhur iebsa tax-xitwa.

Kienet pożittiva wkoll dwar il-fatt li l-Baġit jerġa’ jikkommetti l-ħidma tal-Gvern favur il-mina bejn Malta u Għawdex, li r-raba’ vapur se jkun permanenti u li mill-ġdid isemmi l-introduzzjoni tas-servizz fast ferry.

L-Assoċjazzjoni kuntenta wkoll li l-proposta li ressqet hi għal dan il-Baġit kienet introdotta, jiġifieri li tkun jkun aġġornat dak magħruf bħala d-Diving Master Plan għal Għawdex biex ikun jirrifletti aħjar il-bżonnijiet preżenti u futuri ta’ din in-niċċa turistika.

Il-GTA faħħret ukoll il-fatt li l-Gvern qed jiffoka u jikkonċentra l-ħidma tiegħu fuq l-ekonomija l-ħadra u anke diġitilizzazzjoni.

L-Assoċjazzjoni qalet li hija temmen bis-sħiħ li l-gżira Għawdxija tista’ taħdem ħafna fuq dawn iż-żewġ niċeċ u għalhekk, ftit ftit, tibda tiddiversifika l-ekonomija tagħha, li bħalissa tiddependi kważi għal kollox mit-turiżmu. 

More in Politika