L-elezzjoni Presidenzjali Amerikana: Min ser jirbaħ?
Illum l-Istati Uniti tivvota biex tagħżel President ġdid jew inkella biex terġa' tikkonferma lil Trump. Imma kif taħdem l-elezzjoni f'dan il-pajjiż? Veru li mhux neċessarjament il-kandidat bl-akbar numru ta' voti jsir President? Għaliex? U x'qed juru s-sondaġġi? Il-gazzetta ILLUM tanalizza ...
minn Paul Gauci
Kif ħafna mill-qarrejja jafu diġà, illum ser issir l-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti. Il-kandidati prinċipali li qed jikkontestaw din l-elezzjoni huma: Il-President attwali Donald Trump (kandidat Repubblikan) u l-eks Viċi President Joe Biden (kandidat Demokratiku).
Donald Trump ilu President minn Jannar tal-2017 wara li kien irnexxielu jegħleb lil Hillary Clinton fl-elezzjoni Presidenzjali f’Novembru tal-2016. Jekk Trump jerġa' jirbaħ l-elezzjoni hu ma jkunx jista' jerġa' jikkontesta fl-2024 minħabba l-fatt li l-Kostituzzjoni Amerikana ma tħallix l-istess persuna tokkupa l-kariga ta' President għal aktar minn żewġ legiżlaturi. Din l-emenda fil-Kostituzzjoni Amerikana kienet iddaħlet fl-1951.
Tajjeb li ngħidu li fit-3 ta’ Novembru l-Amerikani mhux se jivvutaw biss biex jagħzlu President, iżda ser jagħżlu anki l-435 membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti u 34 siġġu mis-Senat Amerikan. Il-Parlament Amerikan jew kif inhu magħruf aħjar, il-Kungress, huwa magħmul minn żewġ fergħat; Il-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat.
Din l-istruttura hija komuni ħafna f’diversi pajjiżi, speċjalment fi stati federali. Il-Kamra tar-Rappreżentanti hija magħmula minn 435 membru li jiġu eletti kull sentejn. Dan ifisser li darba kull erba' snin l-elezzjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti taħbat mal-elezzjoni Presidenzjali. Meta jiġri hekk l-persentaġġ ta’ votanti li jivvutaw biex jagħzlu l-Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti jkun ogħla meta mqabbel mal-elezzjoni li ma taħbatx mal-elezzjoni presidenzjali.
Kull stat Amerikan għandu numru tar-rappreżentanti skont id-daqs tal-popolazzjoni ta' kull stat. F’dan il-każ Kalifornja, li huwa l-akbar stat, itella 53 membru f’din il-kamra filwaqt li l-iżgħar stat, Wyoming, itella rappreżentant wieħed biss.
Minn naħa l-oħra s-Senat Amerikan huwa magħmul minn 100 Senatur li jkunu eletti għal sitt snin. Kull wieħed mill-50 stat Amerikan itella' żewġ senaturi. Kull sentejn issir elezzjoni għal terz tas-siġġijiet tas-Senat.
Fl-2016 gew eletti 33 senatur. Fl-2018 33 oħra. Din is-sena ser issir elezzjoni għal 34 Senatur. Fl-2022 terġa issir elezzjoni għat-33 siġġu li mtlew fl-2016 u jibqgħu sejrin ħekk.
Dan ifisser li tul Presidenza jaf ikollok President minn partit partikolari filwaqt li l-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat ikunu kkontrollati minn partit ieħor. Bħalissa għandna President Repubblikan (Trump), Kamra tar-Rappreżentanti kkontrollata mid-Demokratiċi u Senat ikkontrollat mir-Repubblikani.
L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika qiegħed ipoġġi lil Biden fuq quddiem fit-tellieqa Presidenzjali, filwaqt li d-Demokratici jidħru li se jżommu l-kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Is-Senat jidher li se jkun maqsum minn nofs u għalhekk ser ikun importanti ħafna l-eżitu tal-elezzjoni Presidenzjali peress li jekk is-Senat jinqasam eżatt bejn iż-żewġ partiti (ħamsin Senatur kull wieħed) ikun il-Vici President li jkollħu l-‘casting vote.’
Pero' kif jintgħazel il-President?
Fl-Istati Uniti tal-Amerika mhuwiex il-kandidat li jirbaħ l-akbar ammont ta' voti li jsir President. Huwa l-Kulleġġ Elettorali li jiddetermina min jirbaħ l-Presidenza.
Fl-2016, għalkemm Hillary Clinton ġabet kważi tliet miljun vot iżjed minn Donald Trump, kien Trump li sar President peress li kien hu li rebaħ il-maġġoranza fil-Kulleġġ Elettorali.
Il-Kulleġġ Elettorali hija sistema li biha min jirbaħ 270 mill-538 vot tal-Kulleġġ isir President. Kull stat ikollu voti skont kemm għandu membri fiż-żewġ kmamar tal-Kungress Amerikan. Kif semmejna qabel il-Kamra tar-Rappreżentanti għandha 435 siġġu u s-senat 100 siggu. Mela allura għalfejn il-Kulleġġ Elettorali huwa bbażat fuq 538 u mħux 535? Dan għaliex il-Belt Kapitali Amerikana ta Washington DC ma tagħmel parti mill-ebda stat Amerikan u fl-istess ħin mhijiex meqjusa bħalha stat għalih. Dan ifisser li n-nies li jgħixu fil-Kapitali Amerikana m’għandhomx rappreżentanza fis-Senat u kull ma għandhom tliet membri ‘osservaturi’ fil-Kamra tar-Rappreżentanti li m’għandhomx dritt għal vot, bħall-435 membru l-ieħor. Pero' n-nies ta' Washington DC jingħataw tliet voti elettorali fl-għażla tal-President. Għalħekk il-Kulleġġ elettorali huwa magħmul minn 538 membru.
Kif semmejna qabel l-istat ta Kalifornja għandu 53 rappreżentant u żewġ Senaturi fi-Kungress Amerikan. Minħabba f’hekk, min jirbaħ dan l-istat fl-elezzjoni Presidenzjali jirbaħ 55 vot elettorali. Ma tagħmilx differenza b’kemm tirbaħ. Jekk tirbaħ l-istat ta Kalifornja b’vot wieħed jew b’erba' miljun vot il-kandidat rebbieħ xorta ser jikseb 55 vot elettorali minn dak l-istat. Din hija r-raġuni ewlenija li tista' twassal għal sitwazzjoni fejn min jirbaħ il-Kulleġġ Elettorali u jsir President ma jkunx neċessarjament rebaħ il-maggoranza tal-vot popolari.
Din il-ħaġa ġrat erba' darbiet biss fl-istorja Elettorali tal-Istati Uniti, darbtejn minnhom fl-aħħar 20 sena. Fis-sena 2000 George W. Bush ġie elett President minkejja li l-eks Viċi President u Kandidat tal-Partit Demokratiku Al Gore kien rebaħ il-maġġoranza tal-voti. Fl-2016 Donald Trump ġie elett minkejja li Hillary Clinton kienet ġabet iżjed voti.
Fl-Amerika hemm dibattitu jaħraq biex din is-sistema tinbidel u jilħaq President min jikseb il-maġġoranza tal-voti. Pero' hemm diversi sostenituri ta' din is-sistema speċjalment votanti minn stati zgħar li m’għandhomx popolazzjonijiet kbar u li jemmnu li jekk din is-sistema titneħħa l-kandidati jinsewhom u jibdew jiffukaw biss fiż-żoni fejn hemm popolazzjonijiet kbar. Li nafu fiċ-ċert hu li s-sistema s’issa ma nbidlitx u għalhekk anki f’din l-elezzjoni se jkun il-Kulleġġ Elettorali li jiddetermina min se jsir President.
X’qed juri l-istħarrig tal-opinjoni pubblika?
Bħalissa l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika Amerikana qed ipoġġi lil Joe Biden fuq quddiem. Importanti li nżommu f’moħħna li Trump kien jidher ferm iżjed minn taħt sa xhar ilu.
Il-kumpanija tal-istħarriġ Amerikana Rasmussen Reports poġġiet li Biden b’12% vantaġġ fuq Trump fl-aħħar ta' Settembru. L-istess kumpanija ħarget stħarrig ieħor din il-gimgħa u d-distakk niżel għal 2% favur Biden. Ta' min wieħed jiftakar li minħabba s-sistema tal-Kulleġġ Elettorali dawn iċ-ċifri ma jistgħux jagħtu garanzija ta' min ser jirbaħ għax hekk kif ġara fl-2016 Trump jista' jerġa jirbaħ il-Presidenza mingħajr ma jirbaħ il-vot popolari.
Iż-żewg kandidati qegħdin iżidu l-isforzi tagħħom f’dawk l-istati fejn id-distakk bejn iż-żewg partiti huwa żgħir ħafna. Jidher ċar li l-istati ta’ Florida, Georgia, Pennsylvania, North Carolina, Ohio, Michigan, Wisconsin u Arizona se jkunu t-tmien stati li jiddeterminaw minn ser jilħaq President.
Fl-2016 Trump rebaħhom kollha pero' d-distakk li f’ħafna minnhom kien inqas ta’ 1%. Din id-darba Joe Biden jidher li qiegħed minn fuq f’ħafna minn dawn l-istati - pero' l-istess jista jingħad għal Hillary Clinton fl-2016, hekk kienet tidher qabel l-elezzjoni.
Fl-2016 f’Pennsylvania gimgħa qabel l-elezzjoni l-istħarrig kien juri lil Hillary Clinton minn fuq b’2% pero' imbagħad Trump spiċċa rebaħ b'0.7%. F’Ohio erba' snin ilu Trump kien jidher minn fuq b’3.5% pero' spiċċa rebaħ b’distakk ta' 8.1% fuq Hillary Clinton. F’Wisconsin Hillary Clinton kienet tidher minn fuq b’6.5% ftit ġranet qabel l-elezzjoni pero' Trump spiċċa rebaħ b’0.7%. F’Michigan, fl-2016 Hillary Clinton kienet tidher minn fuq b’3.4% ftit granet qabel l-elezzjoni pero' Trump kien spiċċa rebaħ b’0.3%.
Hemm min jgħid li dan huwa minħabba l-effett ta ‘shy voters.’ Dawn huma votanti li jkunu jridu jivvutaw għal kandidat partikolari pero' li jiddejjqu juru li jappogjawh. Dawn in-nies kapaċi jigdbu jew jirrifjutaw li jwieġbu meta jsir stħarrig elettorali. Dan l-effett normalment ikun assoċjat mal-partiti tal-lemin estrem fl-Ewropa. Fl-Istati Uniti, fl-2016 deher li kien assoċjat ma' Trump.
Fi ftit tal-granet oħra nsiru nafu jekk l-istħarrig dwar l-opinjoni pubblika fl-Amerika huwiex korrett jew inkella jekk jerġax imur żmerċ u nerggħu naraw lil Donald Trump jirbaħ.