Nhar il-Ħamis 5 ta’ Novembru, 2020, fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti, in-Naxxar, se ssir l-elezzjoni każwali biex ikun magħruf minn se jkun qed jieħu post Miriam Dalli fil-Parlament Ewropew u anke s-siġġu ta' Frederick Azzopardi fil-Parlament Malti.
L-għadd tal-voti għall-Parlament Ewropew se jibda fid-9.30 ta’ filgħodu.
Il-kandidati nominati huma: Felix Busuttil Galea, Josef Caruana, Cyrus Engerer, Mary Gauci, James Grech, Micallef Robert u Lorna Vassallo.
Kollox jindika li Cyrus Engerer qiegħed fuq quddiem biex jieħu post Dalli.
Fl-elezzjoni tal-2019 Miriam Dalli kienet kisbet l-akbar numru ta' voti mill-kandidati kollha ta' din l-elezzjoni. Fil-fatt hija kisbet 63,438 vot b'Roberta Metsola warajha imma b'ħafna inqas voti: 38,000 vot.
Engerer kiseb 5,394 vot fl-ewwel għadd filwaqt illi wiret 2,200 vot minn Dalli li ġiet eletta mal-ewwel għadd.
Qabel Engerer ġew eletti Alfred Sant li kiseb 26,592 vot fl-ewwel għadd u wiret 10,527 mingħand Dalli, Alex Agius Saliba li kien elett b'18,808 voti u li wiret 4,463 vot minn Miriam Dalli, filwaqt li r-raba' persuna li kienet eletta f'isem il-Partit Laburista kienet Josianne Cutajar li ġiet eletta bi 15,603 voti fl-ewwel għadd u li wirtet 5,661 vot minn Dalli.
Dalli rriżenjat mill-Parlament Ewropew hekk kif ġiet eletta permezz ta' co-option fil-Parlament Malti wara r-riżenja tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat minn Deputat.
Elezzjoni każwali 13-il Distrett
Intant, nhar il-Ħamis ukoll se ssir l-elezzjoni każwali fit-tlettax-il distrett elettorali biex jimtela s-siġġu tad-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi wara li dan miet ftit tal-jiem ilu.
B'kollox ġew ippreżentati ħames nomini għall-elezzjoni każwali tal-Membru Parlamentari. Dawn huma
Ryan Mercieca Cefai, Joseph Ellis, Ċensu Galea, Maria Portelli u Jason Zammit.
L-Għadd tal-Voti se jibda fit-8.30 ta’ filgħodu.