Azzopardi kien uża sala mingħajr ħlas mingħand ta' Tumas fil-kampanja elettorali tal-2008

Jason Azzopardi b'litanija ta' servizzi b'xejn minn lukandi u stabbilimenti ewlenin 

Id-Deputat Jason Azzopardi
Id-Deputat Jason Azzopardi

Id-Deputat Jason Azzopardi li bħalissa jinsab sospiż mill-Partit Nazzjonalista qed jaffaċċja numru ta’ akkużi dwar il-fatt li aċċetta numru ta’ rigali jew inkella ma ħallasx għan-numru ta’ affarijiet meta hu kien Segretarju Parlamentari jew inkella Deputat.  Fil-fatt din il-gazzetta tinsab infurmata li Azzopardi, meta kien Segretarju Parlamentari kellu servizzi b’xejn fil-lukanda Excelsior fejn kellu aċċess ghall-gym, kamra u kolazzjon, meta jrid.  U dan fil-perjodu qabel 2013.  

Qabel l-2013 Azzopardi wkoll kien uża s-servizzi tat-Tumas Group, preċiżament matul il-kampanja elettorali tal-2008 meta kien rranġa direttament ma’ Yorgen Fenech, dak iż-żmien direttur, biex dan kien provdielu sala u ikel fil-lukanda Hilton stess.  
F’dan il-perjodu - kif fil-fatt  kienet żvelat il-gazzetta Maltatoday   - id-Deputat kien uża s-servizzi wkoll b’xejn ta’ John’s Garage, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ karrozzi u l-kirja ta’ sala.  Wara dan l-episodju Jason Azzopardi kien attakka u kkritika l-familja ta’ John’s Garage għax kienu ħarġu l-istorja bħala whistleblowers tal-iskandlu taż-żejt fl-EneMalta.

Wara Ġunju tal-2017 baqa' juża s-servizzi tal-Hilton li jinkludu illi joqgħod mal-lido u l-pixxina, kif ukoll li juża l-buffet b’xejn.  
Billi hu kellu konjizzjoni tal-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, anke bħala avukat tal-familja,  huwa kien waqaf juża s-servizzi tal-Hilton u beda juża s-servizzi ta’ lukanda oħra, fejn l-eks Spettur tal-FIAU Jonathan Ferris huwa responsabbli mis-sigurtà.
Azzopardi qatt ma staha minn ħadd, iċempel negozjanti kbar fosthom anke dawk li jipprovdu catering. 

U s-saga kompliet meta fi żjara li għamel f’ Iżrael wara li għamel tlett iljieli Tel-Aviv (fejn kellu l-Hilton mħallsa mill-Grupp Tumas) mar jumejn Ġerusalem u għamel jumejn għand il-patrijiet fejn tahom l-impressjoni li qiegħed mal-mara meta infatti kien mas-sieħba.
Qabel l-2013, meta hu kien Segretarju Parlamentari tal-Artijiet hu kien uża s-servizzi tal-kumpanija li kellha parkeġġ fil-Belt Valletta biex jirranġa l-uffiċċju tiegħu, liema kumpanija kellha estensjoni taċ-ċens fl-istess zmien.

U kien f’dan iż-żmien ukoll li residenti fil-kostitwenza ta’ Azzopardi gew offruti art pubblika biex jestendu d-djar tagħhom, liema deċiżjoni waslet biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali dwar frodi, korruzzjoni u trading in influence.

Din ħadet xejra xi ftit interessanti meta l-inkjesta infteħet mill-ispettur Jonathan Ferris, l-istess Ferris li imbagħad għażel lill-Azzopardi bħala avukat meta hu kien għadu spettur.

Safriet minn 'terzi'...iżda ħafna minnhom mill-Parlament

Il-gazzetta ILLUM tista' tiżvela li fil-Qorti fis-separazjoni minn martu, Jason Azzopardi kkonferma li minn  wara l-2017 siefer madwar 34 darba, flimkien mas-sieħba tieghu. Meta kien ġie mistoqsi fil-Qorti minn fejn ġab il-flus biex iħallas għall-akkomodazzjoni u għal dawn is-safriet l-avukat tiegħu kien qal li  dan is-safar ħallsuh terzi persuni.

Intant jirriżulta minn lista li rat din il-gazzetta illi 20 minn dawn is-safriet fil-fatt kienu mħallsin mill-Parlament lil Azzopardi bħala parti mill-qadi ta' dmirijietu.  

Azzopardi jibqa' sospiż sakemm ikun hemm konklużjonijiet dwar l-imġieba tiegħu dwar fatti li dehru fi storja li dehret f’din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda, deċiżjoni li trid tittieħed mill-Kumitat tal-Etika tal-Partit Nazzjonalista. 

 

More in Politika