Is-sentiment fost dawk fis-settur tas-servizzi mill-ġdid jieħu daqqa 'l isfel f'Ottubru

Is-settur li jinkludi fih lukandi, ristoranti u bars jieħu daqqa qawwija f'Ottubru - jirriżulta mill-Aġġornament Ekonomiku tal-Bank Ċentrali

Matul ix-xahar ta' Ottubru u allura hekk kif in-numru ta' każi ta' Covid-19 kienu reġgħu bdew jiżdiedu l-kunfidenza u s-sentiment fost diversi setturi reġgħu ħadu ftit ta' daqqa 'l isfel, anke hekk kif il-Gvern ħabbar numru ta' miżuri ġodda fosthom l-għeluq tal-bars u każini sal-1 ta' Diċembru. 

L-akbar daqqa kienet fis-sentiment fost dawk fl-industrija tas-servizzi, li jinkludi l-lukandi, risotranti u stabbilimenti simili, fejn l-indiċi tas-sentiment niżel bil-kbir, minn -3.5 għal -32.3.  L-aspettativa għan-negozju għat-tliet xhur li ġejjin kienet negattiva wkoll u kompliet issir iktar negattiva biex minn -7.9 niżlet għal -12.5.  Dan is-settur huwa l-aktar li ntlaqat ħażin mill-pandemija hekk kif it-turiżmu prattikament waqaf, minħabba biżgħat u appelli lin-nies biex ma jsifrux jew inkella biex ma jsifrux f'ċerti pajjiżi.  Fil-fatt, Malta kienet fil-lista l-ħamra ta' diversi pajjiżi - xi ħaġa li aktar affetwa l-moviment tal-persuni lejn pajjiżna minn uħud mill-akbar swieq turistiċi. 

Apparti minn hekk kien hemm tnaqqis ukoll, anke jekk marġinali, fil-kunfidenza fil-qasam tal-kostruzzjoni u anke fil-kunfidenza fost il-konsumaturi.  Minkejja dan, fost il-konsumaturi s-sentiment huwa ħafna iktar negattiv dwar l-aħħar 12-il xahar (-13.9) milli huwa għat-12-il xahar li ġejjin, fejn  l-indiċi saħansitra jitla' għall-pożittiv, jew +0.5.

Fis-settur tal-bejgħ bl-imnut il-kunfidenza għadha l-agħar minn fost is-setturi kollha b'indiċi negattivi ta' -42.7.  Minkejja dan, is-settur esperjenza titjib bejn Settembru u Ottubru, hekk kif f'Settembru l-indiċi ta' dan is-settur kien aktar negattiv b'-63.7. 

 

 

More in Politika