Il-PN: 'Il-Gvern falla b'mod assolut fit-tmexxija tal-Ħabs'

Beppe Fenech Adami jisħaq, wara mewt oħra fil-Ħabs, li l-Ministru Byron Camilleri huwa responsabbli

"L-aħbar tal-mewt ta’ persuna oħra fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin mill-ġdid tfakkarna illi l-Gvern immexxi minn Robert Abela falla bl-aktar mod assolut fl-amministrazzjoni u r riforma tal-ħabs tagħna."  Hekk sostna d-Deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-PN għall-Intern Beppe Fenech Adami wara li tħabbret mewt ta' żagħżugħ ta' 25 sena.  Huwa saħaq ukoll illi l-ħabsin, il-familjari tagħhom "u kull ċittadin illi jemmen fid-dinjita’ tal-bniedem huma verament imħassba u inkwetati."

Fenech Adami qal li fil-fatt dawn huma imħassbin għaliex - skont hu - il-Ministru Byron Camilleri "jibqa’ ma jifhimx li fil-ħabs illum hemm kriżi fl-amministrazzjoni tiegħu u jibqa’ ma jieħu ebda passi sabiex traġedji bħal dawn ma jibqgħux iseħħu."

Fenech Adamio sostna illi l-Ministru għandu jifhem illi kull ħajja, anke ta’ persuna fil-ħabs, hija prezzjuża. "Għandu jifhem illi ħadd m’għandu jitlef ħajtu minħabba sistemi, metodi u modi ta’ amministrazzjoni fil-ħabs li evidentament fallew."

Huwa temmn jgħid li n-nuqqas ta' azzjoni mill-Ministru tirrendih "politikament responsabbli għal din it-traġedja li għaddej minnha l-ħabs bħalissa."

 

More in Politika