'Irridu ekonomija ta' kwalità u mhux waħda ta' kwantità' - Bernard Grech
Bernard Grech jappella għal ekonomija li taħdem għan-nies fejn il-persuna tiġi qabel in-numri
More in Politika
Bernard Grech jappella għal ekonomija li taħdem għan-nies fejn il-persuna tiġi qabel in-numri
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt żjara lill-kumpanija e-Cabs saħaq li l-pajjiż għandu bżonn ekonomija ta' kwalità u mhux waħda li tieqaf biss mal-kwantità. Insista li l-PN għandu strateġija ekonomika għall-ġenerazzjoni li jmiss.
“Irridu nirrinovaw l-ekonomija ta’ pajjiżna u nħarsu lejn sistemi godda ta’ kif nagħmlu l-ekonomija. Dan il-pajjiż ma jistax jibqa’ jħares biss lejn ekonomija tan-numri iżda lejn waħda ta’ kwalità. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista irid li flimkien mal-imprendituri jirnexxilna nittrasformaw l-ekonomija billi nħarsu lejn possibilitajiet ġodda ta’ kif jista’ jkollna ekonomija sostenibbli," insista Grech.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed iħares lejn is-setturi li nlaqtu ħażin minħabba fil-pandemija tal-COVID sabiex din il-kriżi tinbidel f’opportunità għalihom billi jibdlu l-ħiliet tagħhom f’opportunità għal transformazzjoni ekonomika permezz ta’ viżjoni ekonomika komuni għal Malta u Għawdex.
“Irid ikollna ekonomija li taħdem għan-nies fejn il-persuna tiġi qabel in-numri u hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jiltaqa’ ma’ diversi stakeholders, sabiex jibni strateġija ekonomika għall-ġenerazzjoni li jmiss,” tenna il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech faħħar lill-kumpanija li, fi kliemu, bidlet il-ħolma tal-familja tagħhom fi storja ta’ suċċess. Faħħar il-fatt li din il-kumpanija sfruttat l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.
Preżenti mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien hemm Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar Kristy Debono u l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista James Aaron Ellul u Ivan Castillo.