Analiżi | Joe Biden ... imma aħna x’differenza se jagħmlilna?
Għajnejn id-dinja kienu u għadhom fuq l-Istati Uniti u l-President-elett Joe Biden. Imma dan Biden x’differenza jista’ jagħmel għalina l-Ewropej? Għaliex dan l-għaġeb kollu fuq l-elezzjoni fl-Istati Uniti?
minn Yendrick Cioffi
Bħal-lum ġimgħa, wara taqtiegħa ħarxa u kampanja elettorali diviżiva u qalila, Joe Biden rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti. Għajnejn id-dinja kienu fuq l-Istati Uniti għax huwa fatt magħruf li dak li jiddeċiedi l-President Amerikan, x’aktarx li se jkollu impatt fuq il-kumplament tad-dinja.
Imma Joe Biden x’differenza jista’ jagħmel għalina l-Maltin? Għandu għaliex jimpurtana? Aħna ma ngħixux f’iżolazzjoni. Żgħar kemm aħna żgħar, aħna parti mill-Unjoni Ewropea u għalhekk Malta tista’ tibbenefika wkoll jekk ikun hemm relazzjoni aktar b’saħħitha bejn iż-żewġ partijiet.
Aħna wkoll parti mid-dinja u huwa fatt magħruf li fuq kwistjonijiet globali, li jaffettwaw lil kulħadd, Trump qata’ lill-Istati Uniti mill-bqija tad-dinja. Biden x’se jagħmel differenti?
Biden diġà għandu ħafna kuntatti...
L-ewwel u qabel kollox, Biden kien Viċi-President fi żmien l-amministrazzjoni ta’ Barack Obama.
Fi tmien snin huwa bena diversi kuntatti mal-mexxejja Ewropej, b’mod partikolari ma’ ekonomiji b’saħħithom bħalma huma Franza u l-Ġermanja għall-kuntrarju ta’ Trump li ma tantx kellu xi relazzjoni eċċellenti magħhom.
Bla dubju, Biden huwa aktar kalm u kapaċi aktar ipoġġi madwar mejda u jiddiskuti minflok jinfexx fuq Twitter kif normalment jagħmel Trump. Ngħiduha kif inhi, it-temperament ta’ Trump qatt ma niżel tajjeb mal-mexxejja l-oħra.
Ambjent: Lura għall-Ftehim ta’ Pariġi
Tul il-kampanja elettorali tiegħu, Joe Biden tkellem diversi drabi dwar il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, sfida internazzjonali li Donald Trump taha bis-sieq u saħansitra kemm-il darba waqqagħha għaċ-ċajt.
Fil-fatt, Biden wiegħed li fl-ewwel ġurnata tiegħu bħala President Amerikan, se jerġa’ jsieħeb lill-Istati Uniti fil-Ftehim ta’ Pariġi, liema ftehim sar fl-2015, fost 197 pajjiż, bil-għan li flimkien jiġġieldu din l-isfida globali.
Madanakollu, f’Ġunju tal-2017, Trump kien ħabbar li se jirtira s-sehem tal-Istati Uniti minn dan il-ftehim għax fi kliemu, ftehim bħal dan kien piż fuq l-iżvilupp ekonomiku.
B’din id-deċiżjoni, Trump kompla jaqta’ lill-Istati Uniti mill-bqija tad-dinja, bl-għajta tiegħu “L-Amerika l-Ewwel.”
Id-difiża u n-NATO
Il-President Amerikan għandu taħt idejh l-aktar qawwa militari b’saħħitha fid-dinja. Imma dan x’differenza jagħmel issa li Biden se jkun President?
Donald Trump kien hedded li jirtira s-sehem tal-Istati Uniti min-NATO jekk il-pajjiżi membri ta’ din l-alleanza ma jżidux l-ispiża militari tagħhom. Trump kien akkuża lill-pajjiżi l-oħra membri li kienu qed “jieħdu vantaġġ,” mill-Istati Uniti. Fil-fatt, Trump ried li sal-2024, il-membri tan-NATO jinvestu minn tal-inqas 2% tal-PDG tagħhom fuq id-difiża. Trump kien saħansitra ddeskriva n-Nato bħala “skaduta.”
Trump kien hedded ukoll li jirtira t-truppi Amerikani kollha mill-Ġermanja minħabba dawn ir-raġunijiet. Fil-fatt, kien irtira madwar 12,000 suldat minn 30,000.
IN-NATO kienet twaqqfet bħala alleanza bejn l-Istati Uniti, il-Kanada u 10 pajjiżi Ewropej bil-għan li tiżgura s-sigurtà tal-membri tagħha. L-Artikolu 5 tat-trattat jistabbilixxi l-prinċipju ta’ difiża kollettiva, li jfisser li attakk fuq membru wieħed hu meqjus bħala attakk fuq il-membri kollha. Dan tqiegħed fil-prattika għall-ewwel darba fl-2001 wara l-attakki terroristiċi fl-Istati Uniti fil-11 ta’ Settembru. Illum in-NATO għandha 30 pajjiż membru, inklużi l-Istati Membri tal-UE. Il-kwartieri ġenerali tagħha jinsabu fi Brussell.
Mill-banda l-oħra in-NATO għandha l-appoġġ kollu tal-President-elett Joe Biden u għamel dan pubblikament fi Frar tal-2019 meta tkellem waqt laqgħa annwali għall-mexxejja politiċi u esperti tas-sigurtà, liema laqgħa saret fi Munich, il-Ġermanja. Saħansitra ddeskriviha bħala l-bażi li permezz tagħha nżammet il-paċi u l-istabbilità f’dawn l-aħħar 70 sena.
L-Unjoni Ewropea u l-kummerċ
Antony Blinken, konsulent ta’ Joe Biden għall-politika internazzjonali insista li l-Istati Uniti jeħtieġ li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-Unjoni Ewropea li marru xi ftit jew wisq il-baħar taħt Donald Trump.
“Irridu ntemmu darba għal dejjem din il-gwerra kummerċjali artifiċjali li bdiet l-amministrazzjoni ta’ Trump,” saħaq Blinken meta xahrejn ilu kien qed jitkellem waqt laqgħa tal-Kamra tal-Kummerċ Amerikana.
Biex insemmu xi wħud, l-amministrazzjoni ta’ Trump kienet imponiet tariffi fuq prodotti Ewropej, fosthom anke l-inbid Franċiż u dan wara ġlieda li kienet ilha għaddejja 15-il sena fuq sussidji illegali għall-kumpanija Ewropea Airbus u r-rivali Amerikana tagħha Boeing.
L-Istati Uniti kienet fetħet każ kontra s-sussidji mogħtija lill-Airbus u kienet qed tisħaq li dan kellu impatt negattiv dirett fuq l-industrija tal-avjazzjoni Amerikana u l-ħaddiema tagħha.
L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) kienet tat raġun lill-Istati Uniti u bħala ritaljazzjoni, l-amministrazzjoni ta’ Trump kienet imponiet taxxi fuq prodotti Ewropej li kienu jvarjaw mill-ajruplani, għal ġobon. L-aktar milquta kienu Franza, il-Ġermanja, Spanja u r-Renju Unit u li flimkien huma s-sidien tal-Airbus.
Min-naħa tagħha l-Unjoni Ewropea kienet ukoll fetħet kawża simili kontra l-Istati Uniti għall-għajnuna “illegali” mogħtija lill-kumpanija Amerikana Boeing.
Trump kien ħadha wkoll qatta’ bla ħabel kontra l-Unjoni Ewropea u dan wara proposta li bdiet minn Franza, iżda li żviluppat f’pajjiżi oħra, għall-introduzzjoni ta’ taxxa fuq is-servizzi diġitali u li taffettwa kumpaniji ġganti tat-teknoloġija bħal pereżempju Google, Amazon u Facebook, kollha kumpaniji Amerikani.
Trump kien impona wkoll taxxi fuq l-importazzjoni tal-aluminium u l-ħadid u hedded ukoll b’taxxa fuq il-karozzi importati mill-Unjoni Ewropea.
Ma jfissirx li malli Biden jieħu l-ġurament kollox se jkun ward u żahar u se jneħħi dawn it-tariffi. Madanakollu, kif anke qal il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-kummerċ, Valdis Dombrovski, ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Istati Uniti mmexxija minn Biden u l-Unjoni Ewropea se jkunu “eħfef.”
Fil-fatt, ftit jiem biss wara li rebaħ din l-elezzjoni, fost l-ewwel telefonati li kellu ma’ mexxejja internazzjonali, Biden tkellem mal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel.
L-Istati Uniti u l-WHO...
Il-President-elett Joe Biden wiegħed ukoll li fl-ewwel ġurnata tiegħu fil-White House, se jkun qed iwaqqaf il-proċess li beda Donald Trump biex jaqta’ lill-Istati Uniti mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa.
Trump kien wiegħed li se jwaqqaf il-finanzjament tal-Istati Uniti lil din l-organizzazzjoni internazzjonali u f’Lulju beda formalment dan il-proċess. Huwa kien akkuża lil WHO li fil-qalba tal-pandemija, kienet taħt il-kontroll taċ-Ċina.
Għall-kuntrarju ta’ Trump, Biden insista li l-Istati Uniti dejjem kisbet riżultati aħjar meta ħadmet flimkien mal-komunità internazzjonali fejn jidħlu kwistjonijiet globali dwar is-saħħa.
“L-Amerikani huma aktar siguri meta l-Amerika hija involuta fit-tisħiħ tas-saħħa globali. Fl-ewwel ġurnata tiegħi bħala President, nerġa’ nsieħeb lill-Istati Uniti fil-WHO,” kien kiteb Biden fuq Twitter.
Joe Biden u l-populiżmu
Bla dubju ta’ xejn li r-rebħa ta’ Donald Trump fl-2016, li seħħet ftit xhur wara r-referendum favur Brexit li kkampanjaw għalih Boris Johnson u Nigel Farage, tat spinta ‘l quddiem lill-populiżmu u l-politiċi li jirrappreżentawh.
L-għajta ta’ Trump ta’ “Make Amerika Great Again,” kienet sors ta’ ispirazzjoni għal dawk li jħossuhom minsija minn dawk fil-kurituri tal-poter. Fl-aħħar snin, rajna jissaħħu politiċi oħra populisti.
Ma hemmx għaliex immorru ‘l bogħod. Nibdew minn Matteo Salvini fl-Italja, għal Viktor Orbán fl-Ungerija u Nigel Farage tar-Renju Unit li saħansitra kien jidher jikkampanja fuq il-palk ma’ Trump.
Donald Trump għamel erba’ snin jikkritika lill-Unjoni Ewropea u jfaħħar u jibni ħbiberiji ma’ min jeħodha kontriha. Għalhekk l-elezzjoni ta’ Biden, bla dubju ta’ xejn, hija aħbar ħażina għal mexxejja bħal Orbán tal-Ungerija li issa ma għadx għandhom it-tapit mifrux biex jagħmlu l-arja bi Trump sabiex jimbottaw ‘il quddiem l-aġenda populista tagħhom.
Il-populisti jwiegħdu kollox għal kulħadd! Ipoġġu lilhom infushom kontra l-famuż “establishment” u għalhekk jisħqu li kapaċi aktar jirrappreżentaw lill-poplu. Madanakollu faċli twiegħed iżda mhux daqstant ieħor twettaq u malajr jibdew ħerġin ix-xquq.
Fl-2016, Trump ħareġ bħala qawwa politika b’saħħitha. Rebaħ meta kellu kollox kontrih. Minkejja dan se jkollu jħalli l-White House wara erba’ snin biss. Mela allura xi ħaġa ma ħadmitx! Se jkun hemm min iħares lejn l-Istati Uniti u jifhem li l-populiżmu mhuwiex is-soluzzjoni ideali.
Minkejja l-ħafna kliem sabiħ tiegħu, meta ffaċċjat bi kriżi bħalma hija l-pandemija tal-Covid-19, Trump spiċċa dahru mal-ħajt. L-Amerikani għażlu l-esperjenza u r-raġuni minflok il-kliem bombastiku ta’ Trump.
Żgur mhux forsi li t-telfa ta’ Trump hija daqqa ta’ ħarta għall-populisti Ewropej li għalihom kien sors ta’ ispirazzjoni, iżda lanqas ma jfisser li dan hu t-tmiem tagħhom.
Timmaġina lit-Taljani, li vvotaw lil Matteo Salvini minħabba kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni, issa ma jivvotawlux għax Trump ma għadux hemm?
Ngħiduha kif inhi wkoll, Biden ma rebaħx xi rebħa ta’ barra minn hawn kif kienu qed ibassru s-sondaġġi. Vera li kiseb aktar minn 76 miljun vot, iżda Trump ukoll kiseb 71 miljun.
Nistennew u naraw!
L-elezzjoni fl-Amerika u l-futur tal-votazzjoni...
Lilhinn mir-rebħa ta’ Joe Biden, il-pandemja tal-Covid-19 waslet biex inħolqot sistema ġdida ta’ votazzjoni fejn l-Amerikani ngħataw iċ-ċans li jivvotaw kmieni, qabel il-jum tal-votazzjoni, permezz ta’ sistema ta’ voti mibgħuta ‘bil-posta.’
Fil-fatt, minkejja l-kontroversji kollha li ġabet magħha u l-kritika ħarxa ta’ Trump, din is-sistema għenet biex it-turnout f’din l-elezzjoni presidenzjali kien rekord.
Ovvjament, f’pajjiż kbir bħall-Amerika, din is-sistema għamlet il-votazzjoni aktar aċċessibbli għal kulħadd.
Is-sistema li ntużat fl-Istati Uniti se tinfluwenza l-mod kif isiru l-elezzjonijiet fl-Ewropa jew fil-bqija tad-dinja? Minjaf! Li hu żgur huwa li din trid titħaddem aħjar u jkunu mwieġba l-mistoqsijiet kollha dwarha biex ma tqumx xi kontroversja taħraq kif għaddejja bħalissa fl-Istati Uniti.