Jintemm il-bini ta' blokka għall-akkomodazzjoni soċjali f'Ħaż-Żebbuġ

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes jisħaq li dan il-proġett se jagħmel differenza fil-ħajja ta’ 8 familji

Il-Ministru Roderick Galdes
Il-Ministru Roderick Galdes

Fi żjara fis-sit ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdid fi Triq il-Qolla, Ħaż-Żebbuġ, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar li x-xogħol tal-ġebla f’dan is-sit ġie konkluż biex issa, dan il-proġett se jidħol fl-aħħar fażi tiegħu. 

Fil-fatt issa bdew jiġu mgħoddija s-servizzi u jsir il-kisi tal-binja, b’investiment li jlaħħaq is-€720,000 u li se jagħmel differenza fil-ħajja ta’ 8 familji oħra.

“Għal xi wħud binjiet bħal dawn f’Ħaż-Żebbuġ ifissru biss bini, proġett ieħor, iżda għal dawk ġenwinament fil-bżonn u għall-qraba u għall-ħbieb tagħhom dawn ifissru tama ġdida biex jibdew it-triq tal-mobbiltà soċjali,” saħaq il-Ministru.

 Il-Ministru Roderick Galdes spjega li fost l-oħrajn, il-bini huwa aċċessibbli u li €35,000 mill-investiment totali tal-proġett f’Ħaż-Żebbuġ huma allokati biex il-binja tkun mgħammra b’lift. 

“Il-lista ta’ stennija qiegħda l-inqas li qatt kienet fl-aħħar snin, għaliex fhimna li s-settur tal-akkomodazzjoni mhuwiex biss l-akkomodazzjoni soċjali kif konna nifhmuh qabel. Għalhekk nedejna firxa wiesgħa ta’ inizjattivi li qed jgħinu lin-nies ikollhom akkomodazzjoni adekwata mingħajr ma jirrikorru għal post tal-gvern kif kienu kostretti jagħmlu qabel,” kompla l-Ministru.

Ikkonkluda li 1,700 appartament ġdid se jfissru li dik li qabel għall-familji fil-bżonn kienet biss ħolma se tinbidel f’realtà ġdida għal kull wieħed u waħda minnhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay spjega li l-eżerċizzju li sar ftit taż-żmien ilu għen biex l-Awtorità tifhem aħjar il-ħtiġijiet tal-applikanti tagħha. 

“Id-disinn tal-binjiet u t-taħlita ta’ kemm hemm units b’kamra tas-sodda waħda, tnejn u tlieta huwa bbażat fuq ir-riżultati li ħarġu minn dan l-eżerċizzju, b’dan ifisser li l-blokok ġodda qed jinbnew skont pjan apposta mibni fuq il-bżonnijiet tal-applikanti,” insista McKay.

More in Politika