‘Lill-anzjani sakkruhom fil-kmamar ... qishom f’ħabs’

Qraba ta’ anzjani residenti fi djar mxerrda madwar Malta jilmentaw kif l-anzjani spiċċaw imsakkra, 24 siegħa kuljum, fil-kmamar tagħhom b’uħud minnhom saħansitra kostretti jibqgħu fis-sodda għal ġranet sħaħ b’dettriment għal saħħithom

Qraba ta’ anzjani residenti fi djar tal-anzjani, partikolarment dawk tal-Gvern, ilmentaw mal-gazzetta ILLUM dwar is-sitwazzjoni f’dawn id-djar fiż-żmien tal-pandemija partikolarment wara li fl-aħħar xhur u ġimgħat żviluppaw diversi każi ta’ Covid-19 fost l-anzjani.

Fost oħrajn, qraba ilmentaw dwar il-fatt li f’uħud mid-djar, l-anzjani qed jitħallew fil-kmamar tagħhom ġurnata sħiħa mingħajr l-ebda kuntatt ma’ anzjani oħra.

“Nifhmu li qed jipprovaw jipproteġu lill-anzjani imma s-soluzzjoni mhijiex li jissakkru fil-kmamar tagħhom. Diġàilhom xhur imċaħħda mill-qraba tagħhom, li jissakkru fil-kmamar jonqoshom,” insistiet waħda mill-familji li tkellmet mal-ILLUM.

Fil-fatt, bħalissa, l-anzjani mhux qed jirċievu viżitaturi ħlief għal ftit minuti biss u mill-bogħod, dejjem jekk il-qraba jkunu għamlu appuntament minn qabel. 

“Jinsabu qishom f’ħabs,” insista raġel li wkoll għandu l-ġenituri residenti f’dar tal-anzjani.

Ta’ min isemmi kif minkejja dan, xorta waħda qed ikun hemm anzjani li jirriżultaw pożittiv għall-Covid-19. Fil-fatt, nhar il-Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci spjegat kif hemm ħamest idjar tal-anzjani fejn għadhom qed jinsabu anzjani pożittivi.

Tkellmu mal-ILLUM ukoll qraba ta’ anzjani li jbatu bid-dimensja u insistew li l-fatt li dawn qed jagħmlu ġurnata waħedhom, imsakkra fil-kamra, mhux qed jgħinhom.

“Almenu nippretendi li jinżamm is-servizz biex inkunu nistgħu nkellmuhom darba fil ukoll permezz ta’ Skype. Lanqas dan ma għadu jeżisti,” qalu qraba oħra.

Persuni oħra li tkellmu mal-ILLUM ilmentaw dwar il-fatt li peress li l-anzjani mhux jinħarġu mill-kmamar tagħhom, biex kemm jista’ jkun jonqos il-kuntatt bejniethom, hemm minnhom li mal-4pm diġà qed ikunu ddaħħlu fis-sodod.

Kien hemm qraba li saħansitra saħqu mal-ILLUM li hemm anzjani li lanqas biss qed jitniżżlu mis-sodda, la mhux jinħarġu mill-kmamar, bir-riżultat li kien hemm minnhom li żviluppaw anke bedsores.

“Naħseb jixirqilhom ħafna aħjar minn hekk! Aħna daħħalnihom fid-djar tal-anzjani biex inserrħu rasna,” insistew.

L-ILLUM hija infurmata wkoll li xi djar ingħataw struzzjonijiet biex lanqas għall-Milied ma jarmaw, kemm għax l-anzjani mhux jinħarġu mill-kmamar u anke biex ma jiddaħħlux nies minn barra d-dar biex jarmaw.

“Issa dan sew?” staqsa wieħed mill-qraba. “Diġà mhux qed ikollhom attivitajiet u se jqattgħu Milied ‘il bogħod minn kulħadd. L-anqas ftit atmosfera biex almenu jgħaddu Milied diċenti mhu se jkollhom?” kompla jistaqsi.

F’Settembru li għadda, il-każi tal-Covid-19 splodew fost l-anzjani partikolarment meta l-pandemija faqqgħet f’Residenza San Ġużepp fil-Fgura. Fl-aħħar ġimgħat, anke skont l-informazzjoni mogħtija mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, il-każi fost l-anzjani reġgħu bdew jiżdiedu hekk kif il-Covid-19 feġġ f’aktar djar.

Tant hu hekk, li l-awtoritajiet tas-saħħa ddeċidew li l-anzjani residenti fi djar tal-anzjani li għandhom problemi ta’ spazju u li jkunu nstabu pożittivi għall-Covid-19, qed jittieħdu fil-Faċilità Good Samaritan. Sa nhar il-Ġimgħa f’din il-faċilità kien hemm 77 pazjent.

Apparti minn hekk skont is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, fid-djar tal-anzjani hemm dawn il-każi: 

  • Dar Pinto – 74
  • Golden Care – 39
  • Zammit Clapp – 25
  • Casa Paola – 36
  • San Lawrenz – 7 
  • San Vinċenz de Paule – 13 (Disa’ swali fi kwarantina)

Intant, dwar dawn il-kwistjonijiet u oħrajn, il-ġimgħa li għaddiet, il-gazzetta ILLUM bagħtet sensiela ta’ mistoqsijiet lil Silvio Parnis (meta kien għadu Segretarju Parlamentari) li kien responsabbli minn dawn id-djar tal-anzjani.

Sal-ħin li morna għall-pubblikazzjoni, dawn il-mistoqsijiet, mibgħuta bħal-lum ġimgħa, baqgħu mhux imwieġba u dan minkejja li skont Parnis il-mistoqsijiet weġibhom u bagħathom għall-approvazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

More in Politika