Il-Ministru tas-Saħħa kkonferma mas-sit illum.com.mt li fl-ewwel ġurnata minn meta reġgħet bdiet tingħata t-tilqima kontra l-influwenza, ilbieraħ tlaqqmu 7,796 persuna madwar iċ-ċentri tas-saħħa madwar Malta u Għawdex.
Il-ġimgħa li għaddiet waslu 100,000 elf doża tal-vaċċin. L-ewwel konsenja ta' 100,000 doża waslet ix-xahar li għadda u ngħatat l-ewwel lill-anzjani, tfal żgħar u persuni b'mard kroniku.
Mill-bieraħ, sal-Ħadd li ġej qed tingħata prijorità lil dawk li għandhom minn 55 sena 'l fuq u lill-persuni li jbatu minn mard kroniku u li ma laħqux ħadu t-tilqima x-xahar li għadda.
It-tfal ta’ bejn 3 u 5 snin, u tfal sa 9 snin li jbatu b’mard kroniku jistgħu jirċievu l-vaċċin miċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta, il-Furjana, Raħal Ġdid u Għawdex bejn it-8am u s-7pm.
Is-Sibt li għadda, ingħatat ukoll lill-anzjani residenti f'dawk id-djar residenzjali li ma laħqux ħadu t-tilqima.
Minn wara nhar il-Ħadd, it-tilqima tkun disponibbli għall-bqija.
L-awtoritajiet tas-saħħa qed jenfasizzaw biex kemm jista' jkun persuni jieħdu l-influwenza anke biex tonqos il-pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa li bħalissa qed tissielet ukoll kontra l-pandemija tal-Covid-19.