Il-pandemija twaqqaf aktar minn 50 konnessjoni bl-ajru li kellha Malta
Policy note ippubblikata mill-Bank Ċentrali ta' Malta tispjega kif il-linji tal-ajru low cost għelbu drastikament lil Air Malta fejn jidħol iċ‑ċaqliq tal‑passiġġieri
minn Yendrick Cioffi
“Jekk Malta trid tibbenefika mill‑irkupru eventwali ta’ wara l‑COVID‑19, ikun kruċjali għall‑gżira li tistabbilixxi mill‑ġdid jew tirkupra n‑numru sinifikanti ta’ konnessjonijiet diretti bl‑ajru li ntilfu waqt il‑pandemija.” Hekk saħaq il-Bank Ċentrali ta’ Malta f’policy note ippubblikata llum.
Fl-istqarrija, il-Bank Ċentrali spjega kif fl-2005 Malta kellha 84 konnessjoni diretta bl‑ajru, ammont li tela’ għal 125 fl-2019. Fil-fatt, fl-2005, Malta kellha titjiriet diretti lejn 27 pajjiż u 40 fl‑2019
Madankollu, il‑pandemija tal‑COVID‑19 ħalliet impatt sostanzjali hekk kif fl‑2020 intilfu aktar minn 50 konnessjoni bl‑ajru. 70 biss baqgħu attivi.
“Il‑konnettività bl‑ajru għandha rwol kruċjali fl‑iffaċilitar tal‑iżvilupp ekonomiku permezz ta’ diversi mezzi – bħall‑industriji tat‑turiżmu u l‑manutenzjoni tal‑inġenji tal‑ajru – kif ukoll impatti indiretti u kkaġunati – u dawk fejn il‑konnettività taġixxi bħala katalista. Ir‑relazzjoni bejn il‑konnettività bl‑ajru u l‑ekonomija tmur fiż‑żewġ direzzjonijiet, bħal pereżempju, l‑iżvilupp ta’ infrastruttura bħall‑ajruporti tipprovdi opportunità għall‑promozzjoni tal‑esportazzjonijiet (bħat‑turiżmu), ittejjeb l‑operat u l‑produttività tan‑negozji, u kif ukoll tinfluwenza l‑post u d‑deċiżjonijiet ta’ investiment tal‑kumpaniji,” insista l-Bank Ċentrali.
Il‑policy note enfasizzat li dawk li jfasslu l‑politika għandhom jagħmlu ħilithom sabiex iżommu u jtejbu l‑konnettività lejn ċentri kbar.
Destinazzjonijiet lejn ċentri Ewropej kbar huma aktar importanti mill-konnessjonijiet low‑cost
L-istudju tal-Bank Ċentrali turi wkoll kif minkejja l-popolarita ta’ linji tal-ajru low-cost, il-fluss tal-passiġġieri juri li konnessjonijiet lejn ċentri importanti u ajruporti kbar, ħafna drabi moqdija esklussivament minn operaturi tan‑network – għandhom rwol ewlieni.
L‑istudju jidentifika li l‑ajruporti moqdijin minn operaturi tan‑network huma użati minn aktar passiġġieri milli ajruporti moqdijin esklussivament minn operaturi low‑cost. B’hekk tal‑ewwel huwa iktar importanti mil‑lat ekonomiku.
Fl‑2019, 90 minn 125 konnessjoni kienu moqdijin, jew esklussivament jew parzjalment, minn operaturi low‑cost. Sadattant, 37 konnessjoni biss kienu moqdijin biss minn operaturi tan‑network.
Il‑proporzjon ta’ ċaqliq tal‑passiġġieri mill‑operaturi low‑cost ammonta għal 49.3% tat‑total għall‑2016, filwaqt li l‑operaturi tan‑network kienu responsabbli għal 48.3% f’dik is‑sena. Il‑kumplament taċ‑ċaqliq tal‑passiġġieri huwa relatat ma’ linji tal‑ajru oħrajn tat‑tip charter li joperaw minn u lejn Malta.
"Dawn il‑fatturi jispjegaw kif ċentri Ewropej kbar bħall‑ajruporti ta’ Gatwick u Heathrow ta’ Londra, Fiumicino ta’ Ruma, ta’ Frankfurt u Munich fost oħrajn huma intrinsikament aktar importanti għall‑gżira milli konnessjonijiet low‑cost oħrajn madwar l‑Ewropa," jispjega l-Bank Ċentrali.
Operaturi low-cost jegħlbu lil Air Malta
Il‑policy note tanalizza wkoll il‑livelli ta’ attività ta’ diversi linji tal‑ajru, xenarju li nbidel ħafna mill‑2005.
Fl‑2005, l‑Air Malta kienet l‑iktar linja tal‑ajru dominanti li topera mill‑gżejjer Maltin, responsabbli għal 57% taċ‑ċaqliq kollu tal‑passiġġieri. Mill‑introduzzjoni tal‑operaturi low‑cost fl‑2006, il‑proporzjon tal‑Air Malta niżel drastikament u kien fil‑livell ta’ 28% fl‑2017.
Għar‑Ryanair, min‑naħa l‑oħra, iċ‑ċaqliq tal‑passiġġieri tela’ minn 1% biss mal‑bidu tal‑operat tal‑linja tal‑ajru minn Malta fl‑2006 għal 36% fl‑2017. Il‑linja tal‑ajru Irlandiża telgħet minn żewġ konnessjonijiet fl‑2006 għal aktar minn 60 konnessjoni fl‑2019.
Il‑Lufthansa kienet responsabbli għal 4% taċ‑ċaqliq kollu tal‑passiġġieri, bil‑proporzjon tagħha jibqa’ relattivament stabbli mill‑2005, li jvarja bejn 3% u 5%.
L‑Easyjet ma esperjenzatx l‑istess tkabbir bħar‑Ryanair, bil‑proporzjon tagħha jinżel għal 5% fl‑2017.
Min‑naħa l‑oħra, il‑Wizzair bdiet topera fl‑2013 u żiedet il‑proporzjon tagħha taċ‑ċaqliq tal‑passiġġieri b’mod konsistenti u laħqet il‑5% fl‑2017. Il‑Wizzair bdiet b’rotta waħda lejn Budapest. Sal‑2019, il‑linja tal‑ajru offriet għaxar destinazzjonijiet f’seba’ pajjiżi.