Il-vouchers għandhom jingħataw f’Jannar, f’Diċembru jew jinqassmu? L-ILLUM tistaqsi
Dan il-Milied mhux se jkun normali minħabba l-pandemija. Normalment dan ikun l-aqwa żmien għan-negozju, mill-hairdresser għall-ħanut tal-ħwejjeġ sar-ristoranti, il-barijiet u l-clubs. Fi żmien meta n-negozju jinsab batut, l-ILLUM tistaqsi jekk il-vouchers f’Jannar hux se jkomplu jagħmluha diffiċli għan-negozji f’Diċembru. X’jaħsbu dawk li jirrappreżentaw lis-sidien tan-negozji? Kif jaħsbuha tal-ħwejjeġ u tar-ristoranti?
minn Yendrick Cioffi
Il-Milied ta’ din is-sena mhux se jkun Milied normali. Anke jekk id-djar u t-toroq qed jiżżejnu, l-aspett kummerċjali li dan l-aħħar kważi kważi ħonoq il-Milied se jkun qed jieħu daqqa ta’ ħarta. Kumpaniji ma jistgħux jorganizzaw il-festini, il-clubs li Lejlet l-Ewwel tas-Sena s-soltu jkunu mifqugħa se jkunu magħluqa u r-ristoranti jridu joperaw bir-restrizzjonijiet.
Huwa fatt li n-negozji, li ilhom sena għaddejjin minn żminijiet diffiċli, se jitilfu wkoll dan il-perjodu li s-soltu jkun il-qofol tas-sena tagħhom. Biex ipatti xi ftit jew wisq, il-Gvern kien ħabbar li se jerġa’ joħroġ il-vouchers tal-€100, iżda dawn se jitqassmu f’Jannar u mhux issa.
Dwar dan il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji u anke ma’ sidien ta’ negozji. X’jaħsbu dwar il-vouchers. Jagħmel sens li jinħarġu f’Jannar? Għandhom jinħarġu f’Diċembru jew inkella għandhom jinqassmu?
‘Il-vouchers għandhom jinħarġu f’Diċembru ... f’Jannar se jkun tard wisq’
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, Abigail Mamo, spjegat mal-gazzetta ILLUM għaliex qed jipproponu li l-vouchers tal-€100 jinħarġu matul ix-xahar ta’ Diċembru u mhux f’Jannar kif qed jippjana li jagħmel il-Gvern.
Mamo insistiet li għan-negozji kollha, ix-xahar ta’ Diċembru huwa importanti ħafna u ma jistax ikun injorat. Fi kliemha, jekk il-vouchers se jinħarġu f’Jannar, dan jaf ikun tard wisq, anke minħabba l-element tas-sales.
Ngħiduha kif inhi, jekk persuna taf li se tirċievi l-vouchers f’Jannar, x’aktarx li mhux se tmur tonfoq il-flus fil-ħwejjeġ f’Diċembru, anke għax din is-sena l-Milied mhux se jkun bħas-soltu u forsi aktar nies se jagħżlu li jibqgħu dar. Apparti l-vouchers, f’Jannar, hemm ukoll is-sales u għalhekk forsi jkun hemm min aktar iżomm lura.
Fil-fatt, Mamo saħqet li: “dejjem jiġri li meta l-konsumatur ikun jaf li se tinħareġ xi skema, xi voucher jew inkella tittieħed inzjattiva li se tgħinu jew li biha se jiffranka, se jistenna qabel jixtri xi ħaġa.”
Propju għalhekk li Abigail Mamo spjegat kif il-Kamra tal-SMEs qed tipproponi li l-vouchers jinħarġu kollha f’salt f’Diċembru iżda jkunu maqsuma, jiġifieri dawk li jistgħu jissarfu fi ħwienet tal-ħwejjeġ u oħrajn ikunu jistgħu jintużaw f’Diċembru, filwaqt li dawk marbuta mas-settur tad-divertiment u r-rikreazzjoni jkunu jissarfu f’Jannar.
Fi kliem Mamo, hemm bżonn li f’Diċembru jinħoloq ftit kummerċ u tingħata xi ftit jew wisq spinta lill-ekonomija, anke jekk attivitajiet mhux se jkunu organizzati.
Spjegat kif meta persuna tkun inċentivata biex tonfoq, se jinħoloq in-negozju għax se jkun hemm infiq addizzjonali.
Pereżempju, jekk persuna f’Diċembru se tixtri libsa jew tibdila, se tkun aktar inċentivata li tmur tiekol f’ristorant biex tilbisha. Mara jekk se tmur tiekol f’ristorant se tmur tagħmel xagħrha.
Għalhekk saħqet li din l-ispinta hija importanti. “Jiena tkellimt ma’ sidien ta’ ristoranti. Bħalissa s-soltu jkunu diġà fully booked. Dis-sena ħadd mhu se jagħmel jew jorganizza xejn,” insitiet Mamo.
Fi kliemha, Diċembru jġib miegħu ċertu tip ta’ ‘rbit,’ għax dak li jkun forsi se joħroġ aktar u għalhekk huwa ż-żmien li fih tiġġenera n-negozju. F’Jannar mhux daqshekk.
“F’Jannar xtrajt dak li hemm bżonn, forsi biex niffranka u daqshekk. Jekk xtrajt libsa f’Jannar mhu se mmur biha mkien,” insistiet Mamo, waqt li fakkret li anke t-temp jilgħab parti importanti għax f’Jannar u Frar x’aktarx jagħmel aktar maltemp minn Diċembru.
“Diċembru huwa żmien in-negozju. Li tipprova toħloq in-negozju barra minn żmienu ma jagħmilx sens,” kompliet tgħid.
Fakkret ukoll li dan huwa ż-żmien meta sid ta’ negozju x’aktarx li jkun nefaq aktar fin-negozju tiegħu, kemm fejn tidħol ir-riżorsa umana u anke fejn jidħol ir-reklamar mhux biss minħabba l-Milied imma anke minħabba l-Black Friday.
“Jekk mhux se jkun hawn negozju, dan l-investiment kollu se jkun sar għalxejn,” temmet tisħaq Mamo.
‘Importanti li noħolqu ftit tan-negozju ... irridu nsibu bilanċ’
Dwar l-istess suġġett, l-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Philip Fenech, il-President tas-Sezzjoni tat-Turiżmu u l-Ospitalità fi ħdan l-istess Kamra tal-SMEs li saħaq li huwa importanti li matul ix-xahar ta’ Diċembru jinħoloq xi ftit jew wisq tal-kummerċ, għax fakkar li n-negozji mhux f’Diċembru biss se jkunu batew iżda tul sena sħiħa.
Fenech insista li fis-settur li jirrappreżenta hu, partikolarment fejn jidħlu l-istabbiliment tal-ikel , hemm inċertezza kbira, anke għax wieħed ma jafx kif se tkun is-sitwazzjoni tal-pandemija fil-ġimgħat li ġejjin u għalhekk kulħadd qed iżomm pass lura meta jiġi biex jippjana jew inkella jibbukkja.
L-inċertezza hija akbar fost is-sidien ta’ bars li għalissa se jibqgħu magħluqa. Dan biex ma nsemmux il-clubs li ilhom magħluqa minn Awwissu.
Mistoqsi jekk il-vouchers għandhomx jitqassmu f’Diċembru jew inkella f’Jannar, Fenech saħaq li fl-aħħar jiem u ġimgħat tkellem ma’ diversi sidien ta’ ristoranti u mhux kulħadd jaħsibha l-istess.
Fi kliemu, hemm min qed jgħid li l-vouchers għandhom jingħataw f’Diċembru għax inkella dan iż-żmien se jkun diffiċli ħafna u hemm min qed jgħid li l-vouchers għandhom jinħarġu f’Jannar, anke għax f’Diċembru xorta waħda se jkun hemm ħafna restrizzjonijiet fuq kemm jistgħu jiltaqgħu persuni madwar mejda u għalhekk se jkun hemm min jagħżel li jibqa’ d-dar.
Apparti dan, kompla Philip, wieħed qed jittama li bir-restrizzjonijiet preżenti, sal-aħħar tas-sena l-każi jkunu naqsu u għalhekk aktar nies ikunu komdi joħorġu f’Jannar.
Propju għalhekk li Philip Fenech insista li hemm bżonn jinħoloq bilanċ xi mkien fin-nofs waqt li insista li huwa importanti li f’Diċembru jkun hawn ftit negozju.
“Ma ninsewx li l-industrija tad-divertiment toħloq negozju ieħor. Jekk sejrin jieklu, mara se tmur tagħmel xagħra jew tixtri libsa u raġel se jixtri xi tibdila sabiħa,” insista Fenech.
Kompla jfakkar li Lejlet l-Ewwel tas-Sena, aktar mill-Milied, hija l-akbar festa fl-industrija tad-divertiment fejn normalment tiġi ċċelebrata totalment bl-oppost tal-prinċipju tad-distanza soċjali.
“Ma jista’ jsir xejn. Anke jekk ristorant miftuħ ma tistax tilqa’ gruppi kbar,” kompla Fenech.
L-ironija hi, kompla jgħid, li mill-banda l-oħra jidher li hawn domanda għall-akkomodazzjoni, bħall-kiri ta’ farmhouses u anke flats.
Waqt li saħaq li l-inċertezza u t-tħassib huwa kbir, insista li kulħadd huwa ħerqan li jinżlu n-numru u d-deċiżjonijiet dwar il-bookings se jkunu qed jittieħdu fl-aħħar ħinijiet.
“Għadu kmieni biex wieħed ikollu stampa ċara. Ir-realtà hi li negozjant huwa reżiljenti u jagħmel dak kollu li jista’ biex ikollu ftit ta’ attività anke jekk bir-restrizzjonijiet u jaħdem kemm għall-aspett soċjali u anke dak ekonomiku,” temm jgħid Fenech. “Dan mhux Milied normali. Jekk kulħadd jikkopera nistgħu ngħixu wkoll dan iż-żmien mingħajr ma nżidu l-problemi kemm dawk tas-saħħa u dawk ekonomiċi. Lanqas ma jagħmel sens l-argument ta’ wħud li kważi kważi jisħqu li l-Milied għandu jkun ikkanċellat.”
‘Il-vouchers għandhom jinħarġu f’Jannar ... f’Diċembru n-nies xorta se joħorġu’
Min-naħa tiegħu, Alain James Grech, kok u sid ta’ ristorant f’Buġibba, insista mal-gazzetta ILLUM li l-vouchers tal-Gvern għandhom jinħarġu f’Jannar.
“Fil-Milied in-nies se joħorġu xorta waħda. Mhux se joħorġu bl-istess ammont li kienu joħorġu qabel. Imma nemmen li fi żmien il-festi, xi ftit jew wisq ta’ moviment dejjem se jkun hemm għax in-nies bla ma trid se toħroġ,” insista.
Mill-banda l-oħra saħaq li bħalma jkun Novembru, ix-xhur ta’ Jannar u Frar ikunu batuti ħafna.
“Jekk f’dak iż-żmien qed tagħti inizjattiva, permezz tal-vouchers, biex in-nies joħorġu, forsi jkollna dik is-siegħa xogħol fi tmiem il-ġimgħa, li bħalissa forsi qed nitilfu wkoll,” insista.
Fil-fatt, kompla jisħaq Grech, ħafna sidien ta’ ristoranti u anke lukandi jaqblu ma’ dan.
Minkejja dan saħaq li jifhem ukoll lil dawk ir-ristoranti li n-negozju tagħhom jiddependi kważi totalment mit-turisti u għalhekk iż-żminijiet ta’ bħalissa huma aktar diffiċli għalih.
‘Hemm min qed jagħti vouchers lill-impjegati flok il-festini’
Mistoqsi xi tbassir għandhom għal Diċembru, Grech saħaq li diġà huwa ċar li tilfu l-festini li jorganizzaw il-kumpaniji għall-impjegati tagħhom.
Li qed jagħmlu, kompla jispjega Grech, hija li qed jikkuntattjaw ċertu kumpaniji u minflok festini, dawn qed jagħtu lill-impjegati tagħhom vouchers biex ikunu jistgħu jmorru jieklu ma’ xi ħadd ieħor.
“Dan iż-żmien trid taħseb b’mod differenti,” insista Grech.
Madanakollu, huma qed ibassru li aktar ma joqrob il-Milied, partikolarment Lejlet il-Milied, nhar il-Milied, Lejlet l-Ewwel tas-Sena u fl-Ewwel tas-Sena se jkunu xorta waħda mimlija.
“Vera se nitilfu l-festini imma xi ftit ċaqlieqa se jkollna,” insista Grech.
Kważi kważi, kompla jisħaq, bħalissa lanqas qed iħares lejn il-profitti, għax fi kliemu, fi żminijiet bħal dawn “l-importanti li r-rota tkun għadha qed iddur.”
'Meta toħroġ din it-tip ta’ skema jkun żball li tħabbarha minn xhur qabel’
Julian Micallef, sid ta' numru ta' ħwienet tal-ħwejjeġ u aċċessorji jfakkar illi żmien il-Milied huwa żmien li għal ħafna negozjanti fis-settur tal-ħwejjeg huwa ta’ importanza kbira - saħansitra żmien li wħud jiddependu fuqu għal minħabba li ċertu profitti normalment tarahom f’dawn iż-żminijiet.
"Din is-sena x-xenarju huwa kemxejn differenti. In-negozjant qed iħares lejn dan iż-żmien bħala mezz kif jiġbor għal ispejjeż tiegħu li ma setax ilaħħaq magħhom minħabba tnaqqis ta’ bejgħ matul din is-sena kif ukoll minħabba perjodu ta’ għeluq li sar mill-awtoritajiet. Importanti nagħmluha ċara li waqt li n-negozji tagħna kienu magħluqin, u anke meta nftaħna fil-bidu u l-bejgħ kien viċin ix-xejn, l-ispejjeż ta’ kirjiet, pagi u spejjeż oħra baqgħu hemmhekk."
Micallef jgħid ukoll illi għalkemm huwa minnu li l-Gvern ħareġ diversi skemi ta’ għajnuna, jgħid ukoll li hemm ħafna minnhom li għadhom ma tqassmux, fosthom l-għajnuna fil-kirja.
"B'hekk nemmen li ħafna negozji qegħdin dejjem jersqu għal problema ta’ cash flow, fejn il-ħruġ ta’ spejjeż qed ikun akbar mid-dħul. B’hekk ħafna qed iħarsu għal dan iż-żmien bħala xaqq ta’ tama fejn jerġa’ jkun hemm naqra dħul sostanzjali biex għallinqas tingħalaq is-sena f’sitwazzjoni ta' break even.
"Bħalissa, fin-negozji tal-ħwejjeġ, il-bejgħ għadu batut ħafna. Huwa ċar li ma tistax tikkumpara ma’ snin li għaddew minħabba li din mhijiex sitwazzjoni normali u ħadd mhu qed jippretendi dan madanakollu, ħafna negozjanti f’dan is settur ma bassrux illi l-bejgħ ħa jkun daqshekk baxx, u dan ser iħalli konsegwenzi kbar jekk is-sitwazzjoni tibqa' hekk."
Micallef temm ifakkar li s-sena l-oħra wkoll kien hemm tnaqqis għal ħafna negozji minħabba s-sitwazzjoni politika li Malta kienet għadejja minnha dak iż-żmien, jiġifieri għal ħafna - ifakkar - dan ser ikun it-tieni Milied batut, mhux l-ewwel wieħed.
Dwar il-vouchers, filwaqt li ammetta li dawn kienu ta' benefiċċju għal ħafna negozjanti, qal illi meta tħabbru l-vouchers ta’ Jannar, " jiena personalment nħsadt fil-bidu, mhux għax ma nemminx li hija inizzjattiva tajba, anzi għal kuntrarju nemmen li hija essenzjali iżda hemm żewġ punti importanti li rridu nsemmu - nemmen li meta toħroġ din it-tip ta skema jkun żball li titħabbar minn xhur qabel, minħabba li forsi jkollok parti tas-soċjetà li tistenna sabiex tagħmel użu minnhom. B’hekk tkun qed tirriskja li toqtol in-negozju għal ammont ta’ xhur sakemm jingħataw. Barra minn hekk hemm fattur ieħor importanti ferm li qed jiġi injorat minn bosta," kompla jispjega Micallef.
"Se nispjega din bin-numri: ejjew ngħidu li oġġett jiswa lin-negozju €10 u dan jinbiegħ għal €30. Mela f’dan il-każ in-negozjant qed jagħmel qliegħ ta' €20,qabel spejjeż oħrajn bħal kirjiet eċċ. F’Jannar, l-istess oġġett ser jinbiegħ bi skont u jiġi jiswa €20 - b’hekk in-negozju jkun għamel €10 qliegħ qabel l-ispejjeż. Kieku l-voucher tqassam f’Diċembru, dan kien jgħin sabiex fi żmien tal-Milied, il-qliegħ minn oġġett biex jitħallsu spejjeż oħra jkun ikbar. F’Jannar, in-nifs li ser jieħu n-negozjant ser ikun inqas minħabba li għal bejgħ ta’ kull oġġett bil-voucher ser jagħmel inqas qliegħ mill-istess oġġett. Mela bħala negozjant nemmen personalment li kieku tqassmu f’Diċembru, in-negozjant kien ser ikollu dħul ikbar b’inqas spejjeż u jkun jista jaffaċja x-xhur ta’ Jannar u Frar li normalment ikunu iktar kalmi xorta waħda b’aktar ċertezza.