It-tnedija tal-proġett pilota tal-environmental rangers beda b’reklutaġġ inizjali ta’ tliet uffiċjali.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, li spjega kif dawn l-environmental rangers se jingħatalhom taħriġ u jkollhom tagħrif fuq il-flora u l-fawna lokali, fuq ir-regoli relatati mal-protezzjoni ta’ green areas, fuq l-involviment tal-komunità, kif ukoll fuq ir-riskji eżistenti għall-ambjent lokali.
Dawn ir-rangers se jaħdmu taħt id-direzzjoni tat-Tim Xjentifiku ta’ Ambjent Malta, li huwa responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ proġetti ambjentali f’siti Natura 2000 u żoni rurali oħra, u l-iżvilupp ta’ infrastruttura ħadranija.
Il-Ministru Farrugia spjega kif ir-rwol prinċipali ta’ dawn l-environmental rangers huwa li joħolqu kuxjenza ambjentali u jassiguraw li l-poplu jirrispetta ż-żoni rurali ta’ pajjiżna. “Il-proġetti ambjentali fiż-żoni rurali kienu jeħtieġu wkoll infurzar b’saħħtu u qawwi. B’hekk bdejna bil-proġett pilota b’ingaġġ ta’ tliet environmental rangers li se jkunu qed iħarsu l-madwar f’diversi żoni fil-pajjiż. Fil-preżent ir-rekluti l-ġodda qed jieħdu taħriġ fi djarhom minn Ambjent Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA), u NGOs ambjentali, u se jkollhom rwol kemm ta’ infurzar kif ukoll wieħed edukattiv. Dan huwa biss il-bidu: fis-sena li ġejja se naraw ingaġġ ikbar biex b’hekk pajjiżna mhux biss ikollu l-proġetti ambjentali b’saħħithom imma wkoll infurzar b’saħħtu”, kompla l-ministru.
Iċ-Chief Scientific Officer, li se jkun qed imexxi din l-iskwadra, ġie reklutat reċentament flimkien ma’ Uffiċjal Ambjentali u dawn se jkunu direttament responsabbli mill-kordinazzjoni tax-xogħlijiet ta’ dawn ir-rangers.
Ir-rangers se jkunu qed jaħdmu mill-qrib mal-komunitajiet lokali u jinteraġġixxu mal-pubbliku waqt ir-rondi tagħhom.
Huma se jkunu responsabbli li jassistu lil Ambjent Malta fil-monitoraġġ ta’ proġetti ta’ rijabilitazzjoni ambjentali, inkluż fil-monitoraġġ ta’ tħawwil ta’ siġar u l-kontroll ta’ inizjattivi kontra l-proliferazzjoni ta’ speċi invażivi, fost oħrajn.
L-environmental rangers se jkunu jistgħu jipprovdu wkoll informazzjoni lit-tfal tal-iskola u lill-pubbliku, u jiġbru data ġeografika fuq il-pożizzjoni ta’ speċi invażivi jew mhux indiġeni, fly-tipping, u attivitajiet oħra illegali bħall-vandaliżmu jew off-roading.
Wara l-istadju inizjali bħala proġett pilota, l-environmental rangers se jiġu estiżi fl-2021 bir-reklutaġġ ta’ 13-il ranger ieħor li se jkunu inkarigati biex jagħmlu rondi mal-maġġoranza taż-żoni protetti u żoni rural, fosthom siti ta’ Natura 2000, madwar il-pajjiż.