Muscat, Delia, Prim Ministri u Ministri ... Schembri b'lista ta' nies li marru fir-razzett ta' Yorgen Fenech
Keith Schembri ma jiftakarx meta qal lil Joseph Muscat dwar 17 Black u jinsisti li ma għandux idea x'inhi jew inkella ta' min hi Macbridge
minn Yendrick Cioffi
L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għamel sitt sigħat u nofs jixhed quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li qed tinvestiga ċ-ċirkostanzi li setgħu ħolqu l-klima li wasslet għall-assassinju ta' Caruana Galizia.
Schembri beda billi fakkar lill-bord tal-inkjesta li huwa jinsab fuq police bail. Ikkonferma li qed ikun investigat fuq l-allegazzjoni li rċieva €100,000 f'tixħim mill-programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment u anke fuq iċ-chats tiegħu ma' Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-assassinju.
Hu kien mistoqsi jekk huwiex persuna ta' interess fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Insista li "sa issa" l-Pulizija ma kkonfermawlux dan.
'Joseph qalli li għandu bżonni'
Schembri beda jixhed dwar l-ewwel involviment tiegħu fil-Partit Laburista meta kien għadu student, flimkien mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Saħansitra qal li kien hu li kkonvinċa lil Evarist Bartolo biex isib ukoll post għal Muscat l-ONE.
Insista li meta Muscat daħal fil-politika ddeċieda li jgħinu.
"Mort id-dar tiegħu u għidtlu li kont lest ngħinu," qal Schembri. "Qalli li għandu bżonni."
Insista li meta Muscat talbu biex ikun Chief of Staff tiegħu, fl-2013, kien għalih "pass diffiċli."
'Biex tqassam il-ġid, l-ewwel trid toħolqu'
L-Imħallef Said Pullicino staqsa lil Schembri jekk il-politika tal-PL li jkun 'pro-business' kinitx idea tiegħu.
Insista li mhux tiegħu biss. Qal biss li bħal ħafna nies fin-negozju kien qed iħoss nuqqasijiet.
"Ridna nagħmlu l-ħajja aħjar. Imma biex tqassam il-ġid, l-ewwel trid toħolqu," saħaq.
u l-famuż raba' sular?
Schembri insista li qabel l-elezzjoni tal-2013, il-Partit Laburista ltaqa' ma' ħafna nies u kien hemm xewqa kbira għall-bidla.
Insista li l-akbar tħassib għan-nies, anke tan-negozji, kienu l-kontijiet u anke d-dewmien fil-permessi tal-ippjanar.
Madanakollu ċaħad li kienu jsiru xi laqgħat sigrieti fir-raba' sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u meta mistoqsi ċaħad ukoll li kien hemm proġetti, bħal dak tal-Electrogas, li dwarhom kollox kien mifthiem qabel l-elezzjoni tal-2013.
Electrogas: 'Ma nafx kif ma sarx qabel'
Il-bord tal-inkjesta jfakkru li kien hemm xhieda oħra li qalu li kienet ingħatat xi preżentazzjoni qabel l-elezzjoni.
"Kien hemm aktar minn proġett wieħed propost," insista Schembri. "L-Electrogas ma kinitx ippreżentata lilna imma proġetti oħra iva."
Schembri insista li l-prijorità tal-PL kien li jraħħas il-kontijiet.
"L-idea hemm kienet imma l-proġett per se le," saħaq.
Insista li l-PL ma vvinta xejn straordinarju. "Din kienet sempliċi power station. Il-mistoqsija tiegħi hi kif dan il-proġett ma sarx qabel?"
Aktar fuq l-Electogas...
Schembri kien mistoqsi jekk qabel l-2013 qattx tkellem ma' Paul Apap Bologna. Yorgen Fenech u Mark Gasan (l-investituri tal-Electrogas).
"Assolutament le. Qatt ma ddiskutejt l-enerġija ma' dawn in-nies. Ġew wara l-2013," insista.
Ċaħad ukoll li qatt tkellem ma' Siemens u wieġeb "le" meta mistoqsi jekk qattx kien hemm xi ikliel f'Portomaso li matulu ġie diskuss dan il-proġett.
'Ħafna ġew hawn u gidbu fuqi'
Il-bord jisħaq ma' Schembri li hemm ħafna "dellijiet" fuqu u r-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech.
"Kulħadd ġew hawn, jivvinta u jħarref fuqi. Għamlu snin jgħidu li xxaħħamt mill-passaporti. Inkjesta ġiet konkluża. Tlabt il-konklużjonijiet tagħha. Ma hemm l-ebda sentenza fl-inkjesta li tgħid li jiena xxaħħamt mill-passaporti."
Insista li l-Maġistrat qalet li ma setgħetx tifhem għaliex kelli nsellef il-flus lil Tonna. "Il-Pulizija ffriżaw l-assi kollha tiegħi. Binti lanqas setgħet tirċievi stipendju."
Il-kumpaniji Offshore
Schembri kien mistoqsi dwar il-kumpaniji offshore u anke l-pjanijiet biex jirċievi €50,000 kull xahar fil-kont tiegħu.
Insista li kellu strutturi barra minn Malta qabel daħal fil-politika. Spjega kif kellu trust mal-BOV u kienu qaluli li kien hemm nies fil-PN li jafu saħansitra kemm kellu flus fih.
Qal li kien kiteb lil John Cassar White (eks chairperson tal-BOV) u qall li infetħet investigazzjoni iżda ma setax jiggarantixxi li ma kienx hemm leaks.
"Ħallejt l-affarijiet għaddejja. Ħadt parir u ddeċidejt li niftaħ trust fi New Zealand u nitrasferixxi l-fondi barra minn Malta," spjega.
Kompla jispjega kif hemm bżonn ta' assi, u Mossack Fonseca kienu qalulu li l-aktar mod effikaċi kien li jiftaħ kont fil-Panama. Għal aktar minn darba insista li din kienet biss struttura temporanja.
Fil-fatt, aktar tard Schembri insista li din kienet ir-raġuni galiex fetaħ il-kumpanija fil-Panama u mhux biss flusu ma jkunux itraċċati.
"Kien hemm bżonn ammont partikolari. Nexia BT kienu l-konsulenti u l-awdituri tiegħi. Qatt ma għidtilhom dak l-ammont," saħaq Schembri.
Il-bord tal-inkjesta jistaqsuh jekk allura, Nexia BT qabdux u vvintaw l-ammont ta' €50,000, iżda Schembri saħaq li ma jistax iwieġeb għal din il-mistoqsija.
U l-kumpaniji l-oħra?
Il-bord jistaqsi lil Schembri kif jispjega l-fatt li kumpaniji oħra nfetħu fl-istess ġurnata bl-istess ammonti.
Qal li din kienet prattika komuni hekk kif kumpaniji bħal Nexia BT jixtru shell companies biex ikunu lesti għal klijenti oħra li jkollhom bżonn.
"Ftaħt din l-istruttura għax ridx ngħid ħajja trankwilla mingħajr spotlight fuqi," saħaq.
'X'hemm ħażin billi tiftaħ kumpanija fil-Panama?'
L-Imħallfin ifakkruh li dan kollu spiċċa biex kważi kważi waqqa' Gvern.
"X'hemm ħażin imbilli tiftaħ kumpanija fil-Panama? Għalija, li ġej mid-dinja tan-negozju hija normali. Forsi kont naive. Kien hemm drabi meta xtaqt immur lura għan-negozju. Forsi żbaljajt għax bqajt naħsibha ta' negozjant," insista.
Qal li hu kien jgħid lil Joseph Muscat li l-irwol tiegħu fil-politika kien wieħed temporanju. "Jiena kont negozjant li dħalt fil-politika mhux bil-kontra," saħaq Schembri.
"Ftaħt il-kumpanija għall-klijenti futuri tiegħi. Spjegajt dan lil Joseph Muscat u aċċetta l-ispjegazzjoni tiegħi," kompla jinsisti.
U Egrant?
Schembri kompla jisħaq li Konrad Mizzi qatt ma qallu li ried kumpanija fil-Panama.
Mistoqsi jekk jafx ta' min hi Egrant, Schembri saħaq li din kienet waħda mis-shell companies mhux użati li kienet ta' Brian Tonna ta' Nexia BT.
17 Black u Keith Schembri
Tibda tistaqsi Therese Comodini Cachia dwar il-fatt li l-klijenti msemmija għall-kumpanija tiegħu fil-Panama kienu l-kumpaniji 17 Black u Macbridge
Ikkonferma li kien hu li indika l-kumpanija 17 Black u kkonferma wkoll li kien jaf min hu s-sid tagħha. Madanakollu saħaq li ma kienx hu li semma' l-kumpanija Macbridge.
Comodini Cachia tistaqsi lil Schembri jekk dan ifissirx li Nexia BT vvintawx.
'Mhux ngħid hekk. Tajthom l-ismijiet ta' erba' oħra," kompla jisħaq. Meta staqsietu jekk jistax isemmihom, Schembri saħaq li ma jiftakarx.
Lura għal Macbridge
L-Imħallfin ikomplu jistaqsu dwar Macbridge, bi Schembri jinsisti li hu qatt ma semma din il-kumpanija ma' Nexia BT.
Qal li staqsa dwarha u lanqas Nexia BT ma setgħu jsibuha fir-records tagħhom.
L-Imħallef Lofaro tgħidlu: "Kieku jien kont insib awdiuri oħra!," iżda hu jweġibha li l-karattru tiegħu huwa differenti u ma kienx se jiġġudika lill-awditur tiegħu.
U allura għaliex il-kumpanija ta' Mizzi nfetħet ma' tiegħu?
Comodini Cachia tistaqsih kif jispjega l-fatt li Nexia fetħet il-kumpanija ta' Konrad Mizzi ma' tiegħu u saħansitra kellha msemmija l-istess 'target clients'
"Jien qatt ma tajt direzzjoni biex l-istruttura tiegħi tkun bħal ta' Konrad Mizzi. Ma kien fl-ebda interess tiegħi li noqgħod ngħidlu x'se nagħmel jien."
Filwaqt li Schembri qal li ma ħassx li kellu jitkellem ma' Konrad Mizzi, l-istess Mizzi kien qal li ħa l-idea biex jiftaħ il-kumpanija fil-Panama wara li tkellem ma' Keith Schembri. Jason Azzopardi jistaqsih jispjega dan.
L-eks Chief of Staff insista li kien qal lil Konrad Mizzi dwar il-leak tal-BOV (ara aktar 'il fuq) u li kien tilef il-fiduċja fil-banek Maltin.
Joseph Muscat meta sar jaf bil-Panama u b'17 Black?
L-Imħallef Said Pullicino jistaqsi lil Schembri meta Joseph Muscat sar jaf bil-kumpanija tiegħu fil-Panama u anke b'17 Black.
Schembri insista li Joseph Muscat kien jaf. "Kien jaf li għandi kumpaniji offshore qabel dħalt fil-politika," kompla.
Mistoqsi meta Muscat sar jaf bil-kumpanija fil-Panama u bit-trust fi New Zealand, Keith Schembri wieġeb li sar jaf wara li ġew żvelati l-Panama Papers anke għax talbu spjegazzjoni.
U 17 Black? "Għidtlu biha. Qbilna li kwalunkwe ħaġa li ma għandha x'taqsam xejn man-negozju Malta, ma kienx hemm għaliex ngħidlu dwarha. Ma niftakarx eżatt meta għidtlu dwar 17 Black," saħaq.
Schembri ma jiftakarx jekk qalx lil Muscat li s-sid ta' 17 Black kien Yorgen Fenech meta kienet imsemmija l-ewwel darba fi Frar tal-2017 jew inkella meta rriżulta li Fenech huwa s-sid tagħha f'Novembru 2018.
"Dejjem għidtlu li l-kumpanija ma kien se jkollha l-ebda negozju f'Malta jew x'taqsam ma' Malta," kompla.
Aktar tard anke l-Avukat Jason Azzopardi reġa' staqsa lil Schembri dwar meta Joseph Muscat sar jaf li 17 Black kienet ta' Schembri.
Azzopardi staqsih għaliex ma qalx lil Muscat dwar din il-kumpanija meta ssemmiet l-ewwel darba.
"Ma staqsix dwarha u ma ħassejtx li kellu ngħidlu," insista Schembri.
Hawn l-Imħallef Said Pullicino jisħaq miegħu illi li kieku għamel xi ħaġa dwarha, "dan ir-reat ma kienx iseħħ."
"Ma nistax nifhem kif wasalt għal din il-konklużjoni. Ma ħassejtx li kelli ngħidlu u ma rajt xejn ħażin," wieġbu.
Il-ħbiberija ma' Joseph Muscat...
Kien hawn li l-bord ikkummenta u qallu li l-Prim Ministru kien ħabib sew tiegħu.
"Hemm differenza bejn ħbieb u ħbieb. Ma ndaħħalx lil kulħadd fil-kamra tas-sodda," insista.
Kien hawn li Comodini Cachia tistaqsih: "Allura għamilt tliet snin tara lill-Prim Ministru mistoqsi fuq 17 Black, il-PM li int tant ħdimt biex ikun PM, u m'għidtlux?"
"Serraħ rasek li jien qatt m'għamilt xejn minn wara dahar il-Prim Ministru," weġibha.
Schembri ried jirriżenja fl-2017...
Keith Schembri qal li mhux l-ewwel darba li offra r-riżenja tiegħu fosthom meta kellu l-kanċer.
"Kelli kanċer. Kieku kien għalija, kont nippakkja kollox u nibqa' d-dar. Imbagħad seħħ il-hijack (tal-Afriqiyah Airways). Kont qed nirċievi l-aħħar kimoterapija u kont intlabt biex nagħti daqqa ta' id għax nitkellem bl-Għarbi. Erġajt dħalt."
Dan kollu seħħ f'Diċembru tal-2016.
Pjanijiet ma' Yorgen Fenech
L-eks Chief of Staff kien mistoqsi wkoll dwar il-pjanijiet tiegħu ta' negozji ma' Yorgen Fenech. Ikkonferma li hu kien qed jippjana li jagħmel negozju ma' Fenech fis-settur marittimu.
Madanakollu insista li kien jispjega lil Fenech li sakemm kien Chief of Staff ma setax jidħol f'negozju miegħu.
Għaliex Adrian Delia qatt ma xehed?
Schembri għadda biex jitkellem dwar l-inkjesta pubblika u t-termini tar-referenza tagħha.
Staqsa fost oħrajn għaliex Adrian Delia qatt ma ntalab jixhed. Fakkar li Daphne Caruana Galizia kitbet dwar il-każ ta' Soho u t-Times of Malta rrapportat li l-kont tiegħu f'New Jersey kien jintuża għall-ħasil tal-flus.
"Daphne kitbet dwar Michael Falzon u Ninu Zammit, li kellhom flus fl-Iżvizzera. Ma ttieħdet l-ebda azzjoni," saħaq.
Keith Schembri u l-VGH
Keith Schembri jkun mistoqsi wkoll dwar l-irwol tiegħu fi proġetti kbar tal-Gvern, fosthom dak tal-Vitals Global Healthcare wieħed mill-aktar proġetti kontroversjali tal-Gvern.
Schembri qara minn affidavit u insista li hu ma kellux x'jaqsam mal-proġett u li kulma għamel kien li pprovda kamra f'kastilja fejn ġie ffirmat il-ftehim.
L-Imħallef Said Pullicino fakkar lil Schembri fix-xhieda tal-eks Ministru Edward Scicluna li qal li ma kienx jaf dwar il-MOU u li dan il-proġett qatt ma mar quddiem il-kabinett.
Minkejja dan, l-eks Chief of Staff insista li l-ebda proġett ma jibda jekk qabel ma jkunx approvat mill-kabinett.
"Kull deċiżjoni trid tkun waħda kollettiva," insista.
Schembri ġie mistoqsi wkoll dwar jekk qattx iltaqa' ma' Ram Tumuluti, id-direttur tal-VGH. Insista li rah darba biss waqt preżentazzjoni tal-proġett.
Fearne jgħid li ma kienx jaf bit-tender tal-VGH: 'Staqsu għall-minuti tal-kabinett'
Schembri fakkar li t-tender għall-privatizzazzjoni tal-isptarijiet kien inħareġ mill-Ministeru għas-Saħħa, li dak iż-żmien kien taħt Konrad Mizzi, taħt id-direzzjoni tal-kabinett.
Iżda l-bord ifakkru li l-Ministru Chris Fearne, li dak iż-żmien kien Segretarju Parlamentari, xehed li ma kien jaf xejn dwaru.
"Staqsu lilu. Mhux ċert jekk nistax ngħaddi informazzjoni dwar id-diskussjonijiet fil-kabinett. Forsi tistgħu titolbu l-minuti tal-laqgħat tal-kabinett. Dawk jindikaw min kien preżenti u xi jkun ingħad. Imbagħad tkunu tafu min qed jgħid il-verità u min mhuwiex," insista Schembri.
'Ma nara l-ebda rabta bejn Electrogas u 17 Black'
Schembri kien mistoqsi mill-ġdid dwar l-involviment tiegħu fil-proġett tal-Electogas.
Insista li kien ukoll preżenti għal-laqgħat tal-kabinett kif kien ikun kulħadd. Saħaq li qatt ma ddiskuta l-proġett ma' Konrad Mizzi ħlief waqt il-laqgħat tal-kabinett.
Kif kien l-irwol tiegħu, qal li kien jiġri wara dawk kollha involuti, partikolarment il-Ministeru għall-Finanzi biex il-proġett jitlesta malajr kemm jista' jkun.
Huwa u jwieġeb il-mistoqsijiet dwar l-Electogas, Schembri insista li ma jara l-ebda rabta bejn Electogas u 17 Black.
Ta' min ifakkar li Yorgen Fenech, is-sid ta' 17 Black, kien wieħed mid-Diretturi tal-Electogas, il-kumpanija li bniet u qed tmexxi l-Power Station. Jirriżulta li f'17 Black kien daħal pagamant ta' $200,000 mingħand Orion Engineering. Is-sid ta' din il-kumpanija huwa Mario Pullicino, li huwa l-aġent lokali li qed jissupplixxi l-LNG lill-power station.
Ir-relazzjoni ma' Hasheminejad
Il-mistoqsijiet iduru fuq Pilatus Bank. Schembri jkun mistoqsi meta ltaqa' għall-ewwel darba mas-sid Ali Sadr Hasheminejad.
Spjega kif rah l-ewwel darba fl-2013 meta kien mar għandu flimkien ma' rappreżentant ta' Deloitte.
Saħaq li ma kellu l-ebda relazzjoni partikolari miegħu ħlief li kellu kont fil-bank. Ċaħad li kien involut fil-proċess biex il-bank jingħata liċenzja biex ikun jista' jopera f'Malta.
Comodini Cachia staqsietu dwar blog ta' Caruana Galizia li kien jgħid li hu ċempel lil Hasheminejad l-għada li deher ħiereġ b'bagalja mill-bank, dakinhar li ħarġet l-allegazzjoni li Egrant kienet ta' Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru (ta' dak iż-żmien) Joseph Muscat.
Schembri wieġeb li mhux vera. Ikkonferma li kien mistieden għat-tieġ tiegħu bħala "chief of staff."
Schembri jiddefenti lil Glenn Bedingfield
Keith Schembri ddefenda wkoll il-blogg ta' Glenn Bedingfield, illum whip tal-Gvern li kien jikteb u xi drabi saħansitra jattakka lil Daphne Caruana Galizia u dan meta kien jaħdem f'Kastilja.
"Kellu l-libertà tal-espressjoni," insista.
L-Imħallef Said Pullicino staqsih jekk kellux x'jaqsam ma' blogg anonimu li kien iġib l-isem: Taste Your Own Medicine?
Insista li ma kienx involut u li bl-ebda mod ma kien parti mill-kampanja tal-Partit Laburista li hu kien imexxi.
Ma naqbilx ma' Joseph Muscat dwar Daphne
Schembri kien mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' Daphne Caruana Galizia.
Insista li kien jiddejjaq meta kienet tattakka lilu personali, iżda saħaq li meta kienet tattakka lill-Partit Laburista, bħala l-mexxej tal-kampanja, kien jieħu gost għax in-numri kienu jiżdiedu.
"Hawn fejn ma naqbilx ma' Joseph Muscat. Qal li kienet irrelevanti. Għalija kienet ħafna relevanti għax bħala mexxej tal-kampanja xogħli kien li nwassal lill-partit għar-rebħa," saħaq.
Meta daħal l-aħħar għal-laqgħa mas-Servizzi Sigrieti?
Schembri kien mistoqsi dwar l-aħħar darba li attenda għal-laqgħa f'Kastilja mas-Servizzi Sigrieti.
Qal li ma jiftakarx iżda insista li qatt ma mar laqgħa jekk ma kienx mistieden għaliha.
Schembri u l-FBI
L-Imħallef Said Pullicino jistaqsih ukoll dwar l-FBI u min kien għamel kuntatt magħhom.
"Kont għidt lill-Prim Ministru li jekk mhux se nġibu għajnuna minn barra, konnha se nispiċċaw b'każ ieħor mhux solvut f'idejna. F'temp ta' ħames minuti ċempilt lil
Mark Schapiro (mill-Ambaxxata Amerikana). Għidtlu li kellna bżonn l-għajnuna," saħaq Schembri.
'Ħassejtni skomdu meta sirt naf li Yorgen Fenech huwa suspettat'
Schembri kien mistoqsi wkoll meta sar jaf li Yorgen Fenech kien persuna ta' interess fl-investigazzjoni dwar l-assassinju.
"Ma niftakarx id-data eżatta. Kont taħt xokk qawwi. Kien ħabib u ħassejtni skomdi. Ma stajt nitkellem ma' ħadd. Kienet sena kerha," insista.
Ikkonferma li kien Muscat li talbu jċempillu, lejliet li arrestawh, biex iħeġġu ma jitlaqx minn Malta.
"Ċempiltlu. Qalli li kien ingħata parit biex jieħu btala ta' tlett ijiem biex jistrih. Wissejtu biex ma jitlaqx mill-pajjiż. Ippruvajt nikkonvinċih. Imbagħad, l-għada, smajt bl-arrest," kompla jixhed.
Schembri jisħaq li rriżenja minn jheddu
Dwar ir-riżenja tiegħu minn Chief of Staff, Schembri saħaq li kien hu li rriżenja u mhux intalab jagħmel dan.
"Mort id-dar ta' Joseph Muscat dakinhar filgħaxija u għidtlu li ħabib tiegħi ġie arrestat u nħoss li għandi nirriżenja. Sa dak il-ħin, il-Pulizija kienu għadhom ma kellmunix," insista.
Mistoqsi x'kellu xi jgħid dwar dak li qal Muscat, jiġifieri li ġie ttradit, Schembri insista li qatt ma ttradixxa lil ħadd.
L-Imħallef Said Pullicino jfakkru li minħabba dan kollu, amministrazzjoni sħiħa kellha tirriżenja.
"Dik il-politika," wieġeb.
Jinsisti li hu u Muscat għadhom ħbieb
Schembri qal li hu qatt ma rċieva xi informazzjoni minn qabel li l-Pulizija kienu se jinterrogawh u li minn dakinhar li ħalla d-depot, ħadd aktar ma kellmu fuq hekk.
Insista li hu u Muscat għadhom ħbieb.
Mistoqsi meta l-aħħar li ltaqgħu, Schembri wieġeb: "dak mhux relevanti."
Prim Ministri, Ministri u uffiċjali tal-partiti fir-razzett ta' Yorgen Fenech
Mistoqsi fuq ir-razzett ta' Yorgen Fenech f'Ħaż-Żebbuġ, Keith Schembri li qal ħafna nies hemm, fosthom il-Prim Ministru (Joseph Muscat), lil Edward Zammit Lewis, lil Silvio Valletta u nies oħra li fi kliemu "xehdu hawn."
Insista li jaf b'ċertezza li Prim Ministri oħra attendew fir-razzett, fosthom Eddie Fenech Adami u Alfred Sant u anke membri fil-Kabinett ta' Fenech Adami, inkluż Austin Gatt.
"Sakemm konna aħna fil-Gvern, kienu jattendu b'mod regolarissimu Adrian Delia u Pierre Portelli, mija fil-mija," kompla jixhed.
L-elezzjoni bikrija tal-2017
Keith Schembri kien mistoqsi wkoll dwar l-elezzjoni tal-2017 u qal li kien ilu minn Marzu jaf dwarha.
Jason Azzopardi jinsisti li allura Daphne Caruana Galizia kellha raġun, b'Keith Schembri jwieġbu li qatt ma qal li ma kinitx.
Mistoqsi għaliex marru għal elezzjoni bikrija, Schembri mkien ma semma Egrant u qal biss li l-Partit Laburista kellu distakk b'saħħtu.