X'tasħeb dwar il-vaċċin kontra l-Covid-19? L-ILLUM tistaqsi
Il-vaċċin dalwaqt se jkun magħna. Imma n-nies se jieħduh? X'jaħsbu dwaru? Il-gazzetta ILLUM tkellem lil żewġ żgħażagħ, infermiera u anzjan, li huwa wkoll attur veteran, dwar dan il-vaċċin.
Il-vaċċin dalwaqt se jkun magħna. Imma n-nies se jieħduh? X'jaħsbu dwaru? Il-gazzetta ILLUM tkellem lil żewġ żgħażagħ, infermiera u anzjan, li huwa wkoll attur veteran, dwar dan il-vaċċin.
minn Marianna Calleja
F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-vaċċin kontra l-Covid-19 kien fuq fomm kulħadd u sintendi kulħadd jaħsibha differenti. Hemm nies li jaċċettaw il-vaċċin u ssib nies li jopponu anke l-idea tal-vaċċin f’Malta. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar fil-Parlament li l-Gvern xtara miljun u sitt mitt doża u li l-ewwel doża tal-vaċċin se tibda tingħata f’Jannar lill-frontliners kollha u lill-anzjani ta’ ‘l fuq minn 85 sena. L-ILLUM ħadet l-opportunità li tistaqsi lil ħames persuni kif jaħsbuha fuq il-vaċċin. Għandhom tama li sa’ Mejju li ġej nerġgħu nibdew ngħixu ħajja normali? Fuq kollox huma lesti li jieħdu l-vaċċin?
‘Il-Kelma tal-awtoritajiet isserraħli rasi ... jien se nieħu l-vaċċin’ - Mario Micallef, anzjan u attur popolari
Mario Micallef, attur veteran li jaqa’ taħt il-kategorija tan-nies vulnerabbli, tkellem mal-gazzetta ILLUM fuq kemm hu ħerqan bil-wasla tal-vaċċin f’Malta. Micallef esprima dak li qed iħoss: Ferħ u tama kbira issa li għandna l-vaċċin.
Fi kliemu, Micallef ifakkar li għalkemm qed nieħdu l-prekwazzjonjiet kollha, Malta xorta qed taffaċja numru kbir ta’ vittmi allura dan il-vaċċin se jkun ta’ għajnuna kbira. Hu ammetta li l-unika ħaġa li qed tbeżżgħu huwa l-fatt li nies tal-età tiegħu, għalkemm vulnerabbli, se jieħdu l-vaċċin f’Marzu u dan id-dewmien se jwelled ċertu ansjetà.
Mistoqsi hekk hux se jieħu l-vaċċin, hu jgħid li se jieħdu l-vaċċin bla ebda dubju, speċjalment meta jara li l-effiċjenza kkalkulata għall-vaċċin hi ta’ persentaġġ għoli. Vera li għad hemm persentaġġ minimu li l-vaċċin ma jaħdimx, iżda l-kelma tal-awtoritajiet isseraħlu rasu.
Mario Micallef jispiċċa billi jgħid li għalkemm nisimgħu kif l-infuwenza staġjonali tħalli warajha aktar vittmi, din il-pandemija waqqfet lid-dinja.
”Inżommu f’moħħna li minħabba li t-teħid tal-vaċċin mhux obbligatorju, wieħed jrid joqgħod dejjem attent”.
‘Ferħ, tama u biża’ iżda t-tama tirbaħ fuq kollox’ - Denilson Brincat, student
L-istudent, Denilson Brincat tkellem ukoll mal-gazzetta ILLUM fuq l-emozzjonijiet li ħass l-ewwel darba li sema’ fuq il-vaċċin.
Brincat qal li hu esperjenza kull tip ta’ emozzjoni. Ħassu ferħan, u mal-ferħ ħass ukoll it-tama li sa fl-aħħar sibna soluzzjoni għal din il-pandemija. Iżda ħass ukoll biża, għax bħal kull persuna oħra fid-dinja x’fih dan il-vaċċin u fejn se jwassalna ma jafx.
Denilson Brincat qed jagħmel baċċelerat fil-Midja u bla ma jrid issib ruħu mdawwar b’ħafna informazzjoni dwar ġrajjiet kurrenti. Brincat sostna, li issa, wara li evalwa l-informazzjoni u t-tagħrif iħossu ftit aktar ferħan. Jgħid li xorta għadu jħoss diversi emozzjonijiet - bħal biża - iżda t-tama tirbaħ fuq kollox.
Brincat spjega li għandu fiduċja kbira fl-awtoritajiet u jemmen li huma jafu x’inhu l-aħjar għalina. Fil-fatt hu kompla billi jgħid li tant kemm għandu fiduċja fl-awtorita’ u n-nies kollha li qed jaħdmu biex negħlbu din il-pandemija li għandu tama kbira li sa’ Mejju nerġgħu niġu kif konna - għan-normalità.
Hu temm jgħid lil din il-gazztta li peress li jaħdem mat-tfal jemmen li hi responsabbiltà tiegħu li jieħu l-vaċċin, imma apparti minn hekk peress li bil-vaċċin ħajjitna tmur lura għal dak li kienet pjuttost aktar malajr, iktar se jeħodha bil-qalb.
‘Illum hawn ħafna informazzjoni ... nisimgħu l-ewwel x’jgħidu l-awtoritajiet’ - Clint Cassar, ħaddiem
Dwar l-istess suġġett, l-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Clint Cassar, ħaddiem f’kumpanija lokali tal-iGaming li saħaq ukoll fuq l-importanza li kulħadd jisma’ mill-awtoritajiet.
Cassar ammetta li fid-dinja li qed ngħixu bħalissa, l-internet huwa aċċessibli faċilment għal kulħadd. Jgħidilna li nies oħra bl-użu tal-internet jaf ixerdu xi miżinforazzjoni allura hu importanti li l-ewwel nisimgħu min nies li vera studjaw, gradwaw u fuq kollox għexu din il-pandemija, qabel ma naċċettaw informazzjoni minn sorsi oħra.
Apparti dan, kompla Cassar, wieħed jista jara kif il-vaċċin ħadem jew x'riżultati ħalla f’pajjiżi oħra. Fosthom l-Ingilterra, li amministrat l-ewwel doża tal- vaċċin Pfizer nhar l-Erbgħa 9 ta’ Diċembru. Malta tgħalmet ħafna mill-iżbalji u s-suċċessi ta’ pajjiżi oħra speċjalment waqt il-pandemija u għalhekk missna nerġgħu nosservaw pajjiżi oħra f’dan ir-rigward ukoll.
Clint Cassar saħaq ukoll li hu lest jieħu l-vaċċin ladarba tidħol f’Malta. Kompla billi sostna li mhux etika li nagħmlu dan il-vaċċin obbligatorju, iżda jekk ma niħduhx wara se nbatu l-konsegwenzi. Fi kliemu, jekk ammont kbir ta’ nies ma’ jiħdux il-vaċċin ikunu qed itawlu l-proċess tal-mixja lura għan-normalità.
‘Dan il-vaċċin mhuwiex kompletament ġdid ... għalhekk ma ħax snin biex ikun żviluppat’ - Miriana Borg, infermiera
Min-naħa tagħha, Miriana Borg, infermiera f’sptar f’Malta tinsisti mal-gazzetta ILLUM li dan il-vaċċin huwa d-dawl fl-aħħar tal-mina mdallma. Borg tispjega li l-vaċċin kien il-mira ta’ kull frontliner u persuna li ħadmet biex nirbħu din il- battalja.
Borg qaltilna li f’dawn l-aħħar xhur it-tobba kellhom mediċini li jgħinu s-sintomi tal-Covid-19 iżda din il-mediċina se tbiddel kollox. L-għan ta' dan il-vaċċin huwa li jeqred il-marda nnifisha. Borg tkompli billi tgħid li dan il-vaċċin mhux kompletament ġdid għax il-vaċċin innifsu hu bbażat fuq mediċini eżistenti u wara modifikat. Dan jispjega għaliex il-vaċċin ma’ ħax snin biex jiġi żviluppat bil-kontra ta’ mediċina u vaċċini oħra li nafu bihom jew li għadu għaddej ix-xogħol fuqhom.
L-infermiera fakkret ukoll li qed ngħixu f’żmien li l-informazzjoni nistgħu nġibuha ukoll minn fuq l-internet. Borg tfakkar li kull individwu għandu jiċċekja s-sors li ħareġ dik l-informazzjoni qabel ma jemmen u jkompli jxerred l-aħbar. Miriana Borg ammettiet li kien hemm drabi fejn kellha dubju jew biża’ iżda dejjem iffukkat fuq il-pożittiv u tgħid li t-tama reggħat rebħet fuq kull emozzjoni oħra
Borg komplet billi qalet li s’issa qatt ma’ kellna vaċċin li kien obbligatorju, iżda minn naħa l-oħra qatt ma kellna marda iktar kiefra minn din. Hi kompliet billi spjegat li jekk ir-reżistenza lejn it-teħid tal-vaċċin tkun kbira, se nbatu ħafna. Tfakkar li din taf twassal biex jittawwal il-proċess tal-fejqan li jeħodna lejn in-normalità.
Fuq kollox, Miriana Borg spiċċat billi fakkret li aħna responsabbli tal-preżent u anke tal-futur. "Vera, illi l-ewwel irridu nieħdu l-vaċċin biex naraw kemm hi vera effiċjenti, iżda huwa dan il-vaċċin li se jressaqna għat-tmiem ta’ din il-pandemija."