Minn għada, it-Tlieta, 22 ta’ Diċembru se jkunu sospiżi t-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit.
Ħabbar dan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa fid-dawl tal-varjant il-ġdid tal-COVID-19 li instab f’pazjenti f’dan il-pajjiż.
Minkejja s-sospenzjoni tat-titjiriet, Maltin, u persuni residenti f’Malta, li jinsabu fir-Renju Unit preżentament, se jingħataw iċ-ċans li jirritornaw lura Malta, madanakollu, se jkunu soġġetti għal PCR test mal-wasla tagħhom f’pajjiżna u għal kwarantina obbligatorja ta’ 14-il jum.
Din id-deċiżjoni ssegwi oħra li tħabbret dalgħodu fejn l-istess Ministeru ħabbar kwarantina mandatorja ta’ 14-ġurnata għal kull min jasal mir-Renju Unit.
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa spjega kif din id-deċiżjoni hija waħda temporanja anke għaliex l-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin isegwu mill-qrib l-iżviluppi fir-Renju Unit filwaqt li qed jipparteċipaw f’diskussjonijiet mal-Unjoni Ewropea dwar din is-sitwazzjoni sabiex eventwalment anke jkun hemm pożizzjoni u direzzjoni mill-istess Unjoni.
Intant, fl-aħħar sigħat, Franza, l-Irlanda, il-Ġermanja, il-Bulgarija, l-Italja, il-Belġju, it-Turkija, il-Kanada u anke l-Iżrael waqqfu t-titjiriet kollha minn u lejn ir-Renju Unit.