Fully-booked: Il-farmhouses Għawdxin mimlijin għall-Ewwel tas-Sena
Il-gazzetta ILLUM iċċempel tistaqsi dwar ‘il fuq minn 100 farmhouse għall-Ewwel tas-Sena
minn Yendrick Cioffi
Mhux se jkun Milied bħas-soltu, speċjalment fejn jidħol id-divertiment. Dan ilna nafuh u bosta rrassenjaw irwieħhom. Grokk, f’xi bar, fit-toroq armati tal-Belt Valletta, bħal dan iż-żmien jinżel għasel. Iżda dawn magħluqa kienu u hekk se jibqgħu anke f’dawn il-ġimgħat. Iżda jidher li bosta xorta sabu mod kif igawdu. Tista’ tgħid li l-farmhouses, partikolarment dawk Għawdxin, jinsabu ppakkjati u dan ikkonfermatu wkoll il-gazzetta ILLUM f’eżerċizzju li għamlet.
Fil-fatt, matul din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM għamlet xejn inqas minn 35 telefonata, tistaqsi biex tibbukkja farmhouse, għal tmien persuni, għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena.
Apparti sidien ta’ farmhouses, l-ILLUM ċemplet ukoll kumpaniji/aġenti li jirreklamaw farmhouses, partikolarment f’Għawdex. Kien hemm min saħansitra jirreklama sa 43 farmhouse. Oħrajn jirreklamaw 34 jew 20 farmhouse.
Għalhekk, l-ILLUM staqsiet fuq madwar 100 farmhouse.
Tista’ tgħid li r-risposta li rċeviet il-gazzetta ILLUM għal kull telefonata kienet waħda: “Kollox fully-booked. Ħallejtu ftit għall-aħħar.” Fil-fatt, sibna biss tliet farmhouses li kienu disponibbli, iżda jew kienu għolja mmens jew inkella ma jaċċettawx bookings għal inqas minn tlett iljieli.
Kien hemm farmhouse partikolari, li kienet disponibbli li ma kellix biżżejjed sodod għal tmien persuni iżda s-sid kien lest jagħmlilna wkoll is-saqqijiet mal-art.
Ovvjament, il-maġġoranza assoluta tal-farmhouses kienu f’Għawdex. Iżda l-ILLUM ċemplet ukoll biex tibbukkja farmhouses f’Malta, fosthom fis-Siġġiewi, il-Qrendi u ż-Żejtun. Anke dawn kienu meħuda kollha, b’wieħed mis-sidien jgħidilna: “Darb’oħra ċemplu f’Ġunju.”
Kien hemm ukoll diversi sidien li qalulna li fadlilhom biss xi ftit iljieli fil-ġranet tal-Milied.
Lanqas kien hemm għaliex inċemplu. Jekk wieħed jidħol fuq siti bħal booking.com jew hometogo u jfittex farmhouse għal-lejl wieħed bejn il-31 u l-1 ta’ Jannar mhu se jsib assolutament xejn.
‘L-akkomodazzjoni hija meħuda’
F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat ikkonferma li l-akkomodazzjoni f’Għawdex “hija meħuda.”
“L-akkomodazzjoni, partikolarment is-settur tas-self-catering (farmhouses u appartamenti) hija kważi fully-booked,” insista Muscat.
Mistoqsi jekk id-domanda kinitx qawwija wkoll fil-lukandi, Muscat saħaq li kien hemm domanda imma mhux kollha jistgħu jgħidu li huma ppakkjati.
“Kellhom domanda imma mhux daqs is-setturi tal-farmhouses u l-appartamenti,” insista Muscat.
Saħaq li fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija, is-settur tal-akkomodazzjoni self-catering joffri aktar vantaġġi għax persuna ma tkunx qed titħallat ma’ ħafna persuni differenti, kif jiġri fil-lukandi, il-guesthouses jew inkella l-boutique hotels.
“Din id-domanda tawgura tajjeb,” insista Muscat waqt li fakkar li s-settur tat-turiżmu f’Għawdex ħa daqqa kbira, forsi aktar minn Malta għax l-ekonomija Għawdxija tiddependi ħafna aktar minnu.
“Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika Għawdex tilef 82% tas-suq barrani,” kompla jispjega.
Anke jekk din id-domanda tagħti xi ftit tan-nifs lis-sidien u lin-negozju f’Għawdex, ma jfissirx li kollox huwa ward u żahar.
“Kunu responsabbli ... tkunu qed tagħtu l-isbaħ rigal lil kulħadd’
L-ILLUM tfakkar ukoll lil Muscat fl-appelli li qed jagħmlu l-awtoritajiet tas-saħħa biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm taħlit ta’ familji fi żmien il-Milied, għax dan jista’ jżid ir-riskju tat-tixrid tal-virus. Ma hemmx xi ngħidu, il-farmhouses jesgħu n-nies u x’aktarx li se jkun hemm taħlit ta’ familji u ħbieb.
Muscat insista li l-membri tal-assoċjazzjoni għamlu minn kollox u qagħdu attenti biex imxew mal-protokolli tas-saħħa u jipproteġu kemm lill-impjegati u anke lill-klijenti tagħhom.
Appella lill-klijenti u lil dawk kollha li se jżuru l-gżira Għawdxija biex jimxu u jsegwu l-appelli u l-miżuri ta’ mitigazzjoni li qed jagħmlu l-awtoritajiet tas-saħħa.
“F’dawn iż-żminijiet is-saħħa tibqa prijorità. Mingħajr is-saħħa mhux se jkollna tkabbir ekonomiku,” insista Muscat.
Propju għalhekk li appella lil kulħadd biex ikun responsabbli fl-interess tan-nazzjon kollu kemm hu.
“Dan hu l-isbaħ rigal li nistgħu nagħtu lilna nfusna, lil ħbieb tagħna u lil kulħadd,” temm jappella Muscat.