Wara li din il-ġimgħa l-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) għadda l-opinjoni tiegħu f'rapport ta' diversi paġni, illi fih qal li ma hemm l-ebda nuqqas fil-mod kif tinħatar il-ġudikatura f'Malta l-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis sostna illi t-tiġrija sal-barkun.
Zammit lewis jgħid lil din il-gazzetta li fil-merti tagħha l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Gerard Hogan, ħa tkun qiegħda tagħti stampa ċara lil qafas leġislattiv li permezz tiegħu ħa jiddeċiedu l-Imħallfin tal-ECJ.
"Għalhekk il-piż li għandha din l-opinjoni huwa pjuttost ta’ livell għoli, ġaladarba din tistà titqies bħala l-linja gwida sabiex tingħata s-sentenza. Avolja dan huwa minnu, il-Malti jgħid it-‘tiġrija sal-barkun’, għalhekk nibqgħu nistennew is-sentenza li għandha tingħata ftit tax-xhur oħra."
Mistoqsi dwar ir-riperkussjonijiet ta' deċiżjoni li fil-fatt issib li l-mod kif qed tinħatar il-ġudikatura mhijiex korretta, il-Ministru beda billi spjega li mhu minnu xejn li deċiżjoni tali tkun retroattiva. Għalhekk jekk tiddeċiedi li l-mod kif tinħatar il-ġudikatura trid tinbidel dan ikun jgħodd għall-ħatriet wara d-deċiżjoni.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis itemm ifakkar li l-opinjoni in kwistjoni tagħmel aċċenn ċar għar-riforma li wettaq il-Gvern fl-Lulju li għadda, "meta l-Parlament ivvota b’mod unanimu favur bidla radikali fil-ħatra u t-tneħħija tal-Membri tal-Ġudikatura."
Zammit Lewis temm jgħid li hija l-amministrazzjoni mmexxija minn Robert Abela li, "kellha r-rieda politika li tisvesti ruħha minn poter daqstant importanti, speċjalment fejn tidħol il-ħatra tal-ġudikanti."