'Il-Ministru tal-Finanzi se jsib l-appoġġ tiegħi biex lill-Air Malta nżommuha sostenibbli'

Wara li l-gazzetta ILLUM irrappurtat kif is-sitwazzjoni fl-Air Malta hija waħda ħażina, il-Ministru Clayton Bartolo jwiegħed appoġġ sħiħ biex il-kumpanija tkun sostenibbli ...

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo

Ilu biss fil-kariga ftit ġimgħat issa u ngħata l-aktar portafoll problematiku bħalissa - it-turiżmu.  Settur li qala' daqqa kbira minħabba l-pandemija pero' li huwa l-aktar settur li beda bil-mod, il-mod issa jħares 'l quddiem għall-irkupru ekonomiku ta' wara dan il-perjodu ta' riċessjoni ekonomika. 

Il-Ministru Clayton Bartolo jispjega kif minkejja li hu accountant u awditur, trabba f'familja li minn dejjem kienet involuta fit-turiżmu.  Bartolo, mill-Mellieħa, isemmi r-ristorant tal-familja u kif meta kien Viċi Sindku tal-Mellieħa kien elett fuq il-Europeran Board of Destinations of Excellence.  "Jiġifieri f'dan il-qasam bdejt fuq bażi lokali sa bażi nazzjonali issa.  Nifhem allura l-isfidi li qed jiffaċċja t-turiżmu."

'Tajjeb naraw iż-żgħażagħ jagħmlu karriera fl-Ospitalità'

Bartolo jibda mill-ewwel jgħid li hemm ħafna xogħol xi jsir u problemi li għandhom jiġu ndirizzati waħda, waħda, b'mod ħolistiku fiż-żmien li ġej.  "Sar ħafna investiment fit-turiżmu u jeħtieġ napprezzaw aktar dak l-investiment li sar, filwaqt li l-investituri jeħtieġ japprezzaw aktar il-ħidma tal-istaff, li huma fuq quddiem u l-ewwel nies li magħhom jiltaqa' t-turist."

Huwa għalhekk jagħmel aċċenn għall-bżonn ta' titjib u tisħiħ tal-ITS u għal servizz ta' eċċellenza.  "Kollox importanti.  L-ikel u l-palat tiegħu, ix-xorb, l-indafa ... imma l-aktar importanti huwa s-servizz li noffru fil-lukandi, ristoranti u l-istabbilimenti tagħna."
Il-gazzetta ILLUM tfakkru illi ħafna mill-ħaddiema fis-settur huma barranin għax jingħad minn ħafna, li l-Maltin mhumiex lesti jaħdmu għall-pagi li qed jiġu offruti fis-settur tal-ospitalità.  Allura kif wieħed qed jistenna servizz tajjeb, minn persuni mħallsin ftit?
Bartolo fakkar li ħafna Maltin illum m'għadhomx ikunu biss waiters, imma mxew 'il quddiem.  Maltin li daħlu fil-Maniġment.  "Hemm ukoll ir-realtà ta' nies li ma jkunux jixtiequ jaħdmu fil-festi u jixtiequ jħallu dawn il-jiem għall-familja, xi ħaġa li jiena nifhem ukoll."

"Tajjeb li jkollna Maltin f'dan is-settur.  Tajjeb li naraw li ż-żgħażagħ jibqgħu telgħin fil-karigi għall-maniġment, chefs u Head Chefs u aktar.  U naraw li jsibu karriera f'dan is-settur mhux biss f'Malta imma wkoll barra."

Telqu linji tal-ajru, imma m'aħniex abbandunati lanqas

Il-gazzetta tfakkar lill-Ministru Bartolo li ġimgħa ilu skont rapport tal-Bank Ċentrali ta' Malta, pajjiżna tilef mal-50 konnessjoni tal-ajru minħabba l-pandemija.  L-Emirates - li kienet tgħaqqadna mal-Hub popolari tad-Dubaj kif ukoll il-Qatar Airways li kienet tgħaqqadna mal-hub tal-Qatar mhux qed joperaw.  Il-Gvern kif jippjana li jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas?  Qed tiltaqgħu ma' Gvernijiet u linji tal-ajru? "Id-diskussjonijiet ma' linji tal-ajru u pajjiżi ma waqfu qatt, anzi bħalissa jinsabu avvanzati ħafna," jgħid il-Ministru li jispjega kif il-problema tal-Emirates ma kinitx Malta imma kienet Larnaca (Ċipru) fejn kienet tieqaf it-titjira lejn id-Dubaj. 

"Qed naraw kif naħdmu bi strateġija għall-postijiet differenti u naraw kif se nġibu linji tal-ajru li forsi mhumiex ġejjin mill-hubs turistiċi tradizzjonali bħar-Renju Unit, il-Ġermanja u Franza.  Tajjeb ukoll li nsemmu li ħafna linji tal-ajru ma telquniex, jiġifieri m'aħniex abbandunati," qal Bartolo. 

Semma l-low cost airlines li jfakkar illi kienu importanti biex Malta tikseb rekords fit-turiżmu u finalment semma' l-importanza tal-Air Malta. 

Iwiegħed appoġġ sħiħ fuq l-Air Malta

U la semma' l-Air Malta din il-gazzetta tistaqsi lil Bartolo jekk l-linja nazzjonali tal-ajru hijiex sostenibbli għat-tul, speċjalment fid-dawl ta' kliem il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li sostna li f'din il-kumpanija se jkollhom jittieħdu deċiżjonijiet li ma humiex faċli. 
Bartolo jgħid illi l-Gvern jifhem l-importanza tal-linja nazzjonali tal-ajru, "u se jagħmel minn kollox biex din tibqa' sostenibbli."

Il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM rrappurtat kif deċiżjonijiet drastiċi mistennijin fix-xhur li ġejjin hekk kif is-sitwazzjoni finanzjarja tal-linja nazzjonali tal-ajru kienet deskritta bħala 'mwiegħra' minn sorsi fil-Gvern u l-Air Malta. 

Huwa jfakkar li apparti l-kontribut turistiku, l-Air Malta għandha importanza strateġika għall-pajjiż.  "Il-Ministru tal-Finanzi żgur se jsib l-appoġġ tiegħi biex lil-linja nazzjonali tal-ajru nżommuha sostenibbli."

Il-vaċċin:  Importanti ħafna biex it-turiżmu jirpilja

Insemmu għal ftit ħin il-vaċċin.  Bħala Ministru x'jara li hija s-soluzzjoni?  Li nagħmlu bħall-Awstralja  - u bħal ma probabbilment se jagħmlu pajjiżi oħrajn - u niddikjaraw li min ma ħax il-vaċċin ma jistax jidħol Malta?  Jew immorru għal soluzzjonijiet fejn - per eżempju - jinżamm il-prinċipju tal-kwarantina għal min ma jiħdux?

Bartolo jgħid illi l-għażliet huma diversi u qal ukoll illi mal-aħbarijiet dwar il-vaċċin beda dieħel aktar is-serħan il-moħħ fost in-nies.  "Iktar nies bdew joħorġu u kien hemm ftit aktar attività fit-toroq."

Il-Ministru tat-Turiżmu fakkar fl-importanza ta' bilanċ bejn l-ekonomija u s-saħħa għalkemm qal ukoll li s-saħħa tibqa' priorità għaliex "mingħajr poplu b'saħħtu ma jkollniex ekonomija b'saħħitha."

Huwa jgħid li l-vaċċin se jkun importanti ħafna biex il-qasam turistiku jerġa jirpilja filwaqt li jiżvela illi fil-jiem li ġejjin se jkun hemm diskussjonijiet dwar kif se jidħlu Malta t-turisti ladarba popli madwar l-Ewropa u d-dinja jibdew jiksbu immunità għall-Covid-19. 

Pero' jekk immorru għat-triq tal-Awstralja - bla vaċċin, mal tidħolx Malta - dan ikun dannuż għat-turiżmu?  "Le ma jkunx," iwieġeb il-Ministru. 

'Mhux turist ta' sitt stilel, imma servizz ta' sitt stilel'

Induru fuq is-soltu klixè ta' kważi kull Ministru għat-Turiżmu:  'Kwalità mhux kwantità'.  Imma l-Ministru jemmen li Malta għandha prodott ta' sitt stilel?  U turist b'baġit ta' €3,000 kuljum, per eżempju, għandu fejn jonfoq flusu hawnhekk? 

Bartolo jgħid li hu mhux lejn turisti ta' sitt stilel qed iħares imma lejn servizz u esperjenza ta' sitt stilel. 

"Jiena mhux qed inħares biss għat-turist ta' sitt stilel, wara kollox irrid nagħti serħan il-moħħ lil dawk li investew li se jkollna n-numri.  Imma nixtieq li nara illi s-servizz ikun dejjem tajjeb.  Jekk familja marret tiekol fl-aktar restorant għoli jew inkella marret tieħu pizza, irrid nara li toħroġ sodisfatta."

Kliem sabiħ kieku, tirrimarka l-gazzetta.  Imma kif se taċċerta li dan isir?

Huwa qal li llum hemm diversi modi kif tevalwa r-reazzjoni tal-pubbliku dwar servizz b'diversi siti fejn persuna tista' tħalli kummenti jew ilmenti dwar is-servizz li tkun ħadet (eż: Tripadvisor).  Huwa qal li bi qbil mal-MTA se jkunu qed jiġu evalwati l-kummenti u reazzjonijiet fuq dawn is-siti u meta stabiliment ikollu ħafna ilmenti, jiġi ċċekkjat. 

"Irridu naraw ukoll li jkollna l-indafa fil-pajjiż.  Din hija xi ħaġa importanti ħafna u qed naħdmu mad-Dipartiment tal-Cleansing sabiex nifhmu l-importanza tad-dehra u ta' pajjiż nadif," qal il-Ministru Clayton Bartolo. 

"Mela allura, aktar milli turist ta' kwalità rridu nagħtu esperjenza u servizz ta' kwalità - imbagħad nibdew nattiraw ukoll turist ta' kwalità u tipi differenti ta' turisti li forsi sal-lum għadna mhux qed nattiraw biżżejjed minnhom."

Fil-bidu tas-sena se jitħabbru miżuri biex jiġu attirati turisti żgħażagħ

Il-gazzetta tfakkru illi żewġ Ħdud ilu ppubblikat sondaġġ xjentifiku li kien juri illi dawk bejn it-18 u l-35 sena huma l-aktar etajiet fejn hemm nies li qed jippjanaw safra għal 2021.  

Malta x'qegħda tagħmel biex taħtaf kemm jista' jkun minn dan is-settur, magħruf ukoll li jħobb id-divertiment u allura attivitajiet aktar tal-massa?

Bartolo jaqbel u jgħid illi l-ewwel turist se jkun dak żgħażugħ u t-turist individwali, segwit mill-familji u dawn segwiti mill-gruppi u turiżmu tal-konferenzi. 

"Fil-bidu tas-sena d-dieħla se nħabbru diversi skemi li qed nippjanaw mal-MTA biex nattiraw dawn it-tip ta' turisti," jgħid il-Ministru. 
Il-gazzetta tfakkru li Julia Farrugia Portelli kienet qalgħet ħafna kritika meta n-numri niżlu għal żero kuljum u bdew jiġu organizzati l-parties. 

X'garanzija għandu li l-istess ħaġa mhux se tiġri lilu? 

Ma jaqbilx iżda u jfakkar mill-ġdid illi l-vaċċin ibiddel kollox u allura l-preżent ma jistax jitqabbel mal-passat.  "Il-vaċċin huwa l-gamechanger, aktar u aktar issa li qed naraw illi dan qed ikun approvat madwar id-dinja kollha." 

Niċeċ turistiċi diversi, fosthom ħidma f'dak reliġjuż

Il-Ministru jwieġeb ukoll dwar niċeċ turistiċi ġodda u jfakkar li l-Gvern b'diversi modi għen lil dawk l-operaturi li qed ibatu, fosthom fis-settur tal-għadds u dak tat-tagħlim tal-Ingliż.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' aktar siti u ħarsien tal-ħajja fil-baħar biex ikompli jikber is-settur ta' turisti għaddasa f'Malta. 

Isemmi wkoll it-turiżmu sportiv u l-bżonn li Malta tattira lejha żgħażagħ li jħobbu jagħmlu l-isports, jew inkella li jkun hawn football training camps.  Hawnhekk isemmi l-bżonn li jsir aktar xogħol fuq il-ftehim li kien sar mill-eks Ministru Konrad Mizzi mal-Manchester United. 

U finalment isemmi wkoll it-turiżmu reliġjuż, b'densità għolja ħafna ta' knejjes u katidrali mimljin opri ta' arti mal-pajjiż kollu.  Clayton Bartolo jgħid li fuq din in-niċċa turistika qed isir xogħol mas-salesjani ta' Dun Bosco u saħaq illi l-potenzjal huwa kbir b'eluf kbar ta' turisti Kattoliċi. 

Buġibba/Qawra: 'Ma tajniex biżżejjed attenzjoni lil din il-lokalità turistika daqstant importanti'

U finalment nagħtu ħarsa lejn il-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, li apparti li hija l-aktar lokalità li għandha sodod f'akkomodazzjoni turistika hija wkoll l-akbar lokalità ta' Malta u Għawdex u lokalità fid-distrett tal-istess Clayton Bartolo. 

Il-gazzetta tinnota kif issir ċerta kritika li mhux ġusta u eseġerata minkejja l-bosta preġji tal-lokalità, iżda fl-istess ħin wieħed ma jistax ma jammettix li hemm nuqqasijiet kbar f'San Pawl il-Baħar meta wieħed jiftakar li din hija żona daqstant turistika.  Ix-xogħol li jsir huwa ħafna drabi patchwork u mhux ħolistiku, bħal ma kien sar fl-1997-98 - u żebgħa fuq is-sadid.  Din mhux kwalità imma medjokrità, tinnota l-gazzetta. 

Bartolo jwieġeb billi jgħid illi li hu mill-ewwel beda jaħdem biex din il-lokalità jkollha masterplan li permezz tiegħu tkun studjata l-infrastruttura mill-qiegħ u dak kollu li hemm bżonn isir, "imbagħad irridu naraw kif se nsibu l-flus.  Din il-lokalità għandha bżonn titjib u sfortunatament ngħid li ma ngħatatx l-importanza li jixraqilha, meta hija waħda mill-isbaħ żoni u daqstant importanti għat-turiżmu." 

"Jiena se naħdem bis-serjetà biex isir ix-xogħol li hemm bżonn isir," qal Bartolo li sostna wkoll li fil-lokalità hemm bżonn l-infurzar, aktar indafa, aktar tisbiħ u aktar tħaddir filwaqt li "l-iżvilupp isir b'rispett lejn ir-residenti."

Il-Ministru Clayton Bartolo temm l-intervista jgħid illi l-Gvern qed jesplora l-possibilità ta' finanzjament mill-Unjoni Ewropea għall-proġetti relatati mal-masterplan ta' din il-lokalità. 

"Ejja naqtgħu l-illapazzar u naħdmu b'mod ħolistiku," qal Bartolo. 

 

More in Politika